Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-‘fish farms’ kollha f’pajjiżna jirrispettaw l-ogħla standards ambjentali u li l-awtoritajiet jaraw li dawn l-istandards jiġu rispettati f’kull ħin.
Fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Ryan Callus, il-Partit Nazzjonalista qal li l-industrija tal-‘fish farms’ hi waħda importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna għax tħalli introjtu kbir fl-ekonomija tagħna, li jlaħħaq madwar €150 miljun f’esportazzjoni fis-sena u li tħaddem ħafna ħaddiema.
Madankollu, l-operaturi huma mistennija jirrispettaw f’kull ħin il-kundizzjonijiet tal-permessi tagħhom u jkunu responsabbli biżżejjed li ma jħallux li l-attività tagħhom ikollha effett negattiv fuq l-ambjent, speċjalment fuq il-kwalità tal-baħar.
Il-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament dan ma sarx matul dan is-Sajf, bil-konsegwenza li l-baħar ġie mniġġeż. Dan mhux aċċettabbli għax Malta investiet ħafna biex ikollna l-aktar baħar nadif fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Għall-Partit Nazzjonalista, parti mis-soluzzjoni għandha tkun li l-‘fish farms’ jinħarġu aktar ‘il barra mill-kosta, kemm fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, kif ukoll fin-naħa ta’ isfel, li jiġu riveduti il-kundizzjonijiet li fihom joperaw ħalli l-istandards ambjentali jkunu aktar għolja, filwaqt li jsir infurzar serju mill-awtoritajiet, li matul dan is-Sajf kien nieqes għal kollox.
Hu biss b’dan il-mod li din l-industrija tkun tista’ tkompli topera u tagħti kontribut lill-ekonomija ta’ pajjiżna b’mod sostenibbli, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>