Lokali Unjoni Ewropea

Illum il-‘grilling’ ta’ Leo Brincat; xandira LIVE fuq NETnews.com.mt

Quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-kontrolli tal-baġit, illum mistenni li jsir il-grilling ta’ Leo Brincat għall-ħatra ta’ membru tal-Qorti Ewropea għall-Awdituri.

Is-sit elettroniku politico.eu semma kif din is-sessjoni se tkun waħda diffiċli għal Brincat, b’mod partikolari għall-mod kif ma vvutax favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi li kien involut fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Il-Membru Ewroparlamentari Igor Soltes, li kien ukoll president tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, qal li Leo Brincat se jiffaċċja ħafna mistoqsijiet fost oħrajn dwar possibbiltà ta’ konflitt ta’ interess u problemi ta’ etika.

Ilbieraħ, The Sunday Timess of Malta rrapportat li Leo Brincat mistenni jgħaddi mit-test quddiem il-Parlament Ewropew minkejja dell tqil minħabba l-iskandlu tal-Panama.

Dan hu t-tieni tentattiv mill-Gvern Malti biex ikollu kandidat membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Aktar kmieni din is-sena l-Kumitat tal-Parlament Ewropew irrifjuta n-nomina ta’ Toni Abela wara li ma weġibx b’mod sodisfaċenti f’ammont ta’ domandi li sarulu.
Ma’ Leo Brincat se jkun hemm ukoll żewġ kandidati oħrajn li se jkunu qed jiġu intervista għar-rwol tagħhom fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Intant, is-smigħ ta’ Leo Brincat mistenni jsir fit-3.15 ta’ waranofsinhar, bil-vot fl-istess kumitat jittieħed għall-ħabta tal-5.15 ta’ waranofsinhar.

Il-grilling se jixxandar LIVE fuq NETnews.com.mt.