Jistqarr illi ma kellux għażla u jitfa’ t-tort fuq il-Prim Ministru. Hija ċara li Leo Brincat ġie imġiegħel jivvota favur Konrad Mizzi waqt il-vot ta’ fiduċja fih fil-Parlament Malti.
Dan ħareġ meta Leo Brincat kien qiegħed iwieġeb fis-smigħ tiegħu għall-kariga ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
L-ewwel MEP li qajjem l-iskandlu tal-Panama matul il-grilling ta’ Brincat kien Petri Sarvamaa. Meta wieġeb id-domanda tal-MEP Finladiz għaliex ivvota favur Konrad Mizzi, Brincat tefa’ t-tort għall-mod kif ivvota fuq Joseph Muscat. “Ma kellix għażla”, kienet it-tweġiba ta’ Brincat.
Hu stqarr ukoll illi fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama kien qed jikkunsidra li jirriżenja. Iżda fil-verita’, ir-riżenja qatt ma waslet ghaliex skont hu kien jispiċċa vuċi fid-deżert.
Stqarr ukoll illi kieku issemma’ hu fil-Panama Papers kien jirriżenja, jew kien jissospendi ruħu mill-Kabinett sakemm innaddaf ismu – xi ħaġa li Konrad Mizzi ma għamilx, għaliex sal-lum għadu Ministru.
L-MEP Ayala Sender ukoll għamlet referenza għall-iskandlu tal-Panama u l-effett fuq is-settur bankarju, filwaqt li l-MEP Ċeka Martina Dlabajova saqsiet dwar il-kuntratti li qed jinżammu moħbija mill-Gvern ta’ Muscat.
Għal dan, Leo Brincat qal li huwa fl-interess pubbliku li dawn il-kuntratti jkunu pubblikati kemm jista’ jkun malajr. Iżda sa issa, il-kuntratti għadhom moħbija mill-Gvern.
Ġie mistoqsi ukoll dwar il-fatt illi hu bħala politiku Laburista kien kontra d-dħul ta’ Malta fl-UE. Hawnhekk huwa ċahad – Leo Brincat, b’sorpriża għal bosta, stqarr illi qatt ma kien kontra l-UE. Għalkemm kienet instintiva r-reazzjoni taċ-chairperson f’dan il-mument.
Waqt l-istess smigħ, l-Ewroparlamentari Igor Soltes saqsa b’mod dirett kif Leo Brincat se jżomm l-indipendenza tiegħu jekk ikun konfermat fil-Qorti tal-Awdituri.
F’għeluq is-smigħ ġie deċiż il-vot fejn 11 ivvutaw favur filwaqt li 9 ivvutaw kontra Brincat.
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-iskandli ta’ Joseph Muscat komplew jagħmlulna ħsara barra minn Malta. Dan ħareġ ċar illum, hekk kif Leo Brincat kien iffaċċjat b’mistoqsija wara l-oħra dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi, li fetħu dawn il-kumpaniji biex fihom jitfgħu s-senserija.
Hemm raġuni waħda għal din il-ħsara u din ir-raġuni hija Joseph Muscat li ħa deċiżjoni ħażina meta għażel li jżomm lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri minkejja li dawn inkixfu li għandhom kumpaniji sigrieta fil-Panama biex fihom ipoġġu s-senserija.
Il-ħsara kibret aktar hekk kif il-Prim Ministru nqabad jigdeb anki fuq l-iskandlu tal-visas mediċi. Dan huwa skandlu gravi ieħor li kixef rabta ċara bejn Kastilja u l-kriminalità.
L-iskandli ta’ Muscat ħallew impatt ukoll fuq il-votazzjoni tal-Membri Parlamentari, tant li wara li Toni Abela ma ġiex approvat bħala l-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat ġie approvat b’distakk umiljanti ta’ żewġ voti biss u ghad irid jiffaċċja vot ieħor fil-plenarja sħiħa tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>