Internazzjonali

Protesti u kaos minħabba l-‘Ġungla ta’ Calais’

epa05525401 Residents and truck drivers block roads to demand the dismantling of the makeshift shelter migrant camp the 'Jungle' in Calais, France, 05 September 2016. Locals and traders stage a demonstration as the economic situation in the region has been affected by the migrant crisis and the insecurity increased along the roads and in the fields after several migrant actions. EPA/THIBAULT VANDERMERSCH

Sriebet ta’ trakkijiet u persuni li ffurmaw ‘ktajjen umani’ qalb it-toroq madwar il-port ta’ Calais ikkaġunaw taqlib u konfużjoni kbira għall-madwar u l-arterji taz-zona, fejn il-movimenti saru ‘diffiċli’, fost it-tensjoni.
Id-dimostranti kienu qed jinsistu biex jingħalaq il-kamp għall-immigranti f’Calais, li hu mlaqqam ‘il-Ġungla’ – bis-Sindku ta’ Calais, Natacha Bouchart, tissieħeb mad-dimostranti fil-protesti dwar dan il-kamp ‘li qed jiswa ta’ ħsara lill-belt minbarra li joħloq il-kaos fl-inħawi tal-port’.
Illum hemm ’il fuq minn 7,000 resident fil-‘Ġungla’ li qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet skwallidi għall-aħħar. Dan meta ħafna mill-immigranti f’Calais qegħdin jippruvaw jitilgħu fuq it-trakkijiet fiz-zona f’tentattivi ddisprati ‘biex jaqsmu minn Franza lejn ir-Renju Unit’.
Issa, Natacha Bouchart qalet li s-sitwazzjoni f’Calais saret intollerabbli. Dan waqt li sidien tal-ħwienet lokali, Pulizija, membri tal-unions u bdiewa ssieħbu mas-sewwieqa tat-trakkijiet li, ilbieraħ, kienu qed jimblukkaw it-triq prinċipali viċin il-port. Il-protesta kienet anki l-akbar waħda ta’ dan it-tip kontra l-kamp tal-inħawi.