Lokali

Swieqi Fest 2016

Fi tmiem il-ġimgħa tittella’ edizzjoni oħra tas-Swieqi Fest – avveniment mifrux fuq numru ta’ jiem u li jinkludi mhux biss il-ġirja tradizzjonali, iżda numru t’attivitajiet kulturali, spettaklu u wirjiet artistiċi.

B’differenza minn lokalitajiet oħra, is-Swieqi m’għandiex każini tal-banda, jew inkella festa tar-raħal. Dan ifisser li hu f’idejn il-Kunsill Lokali tas-Swieqi biex jorganizza dawk l-attivitajiet bil-għan li jgħaqqdu aktar lill-komunità tas-Swieqi.

Tkellimna mas-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, li ma’ Net News spjega r-raġuni wara t-tħejjijiet li qed isiru bħalissa għall-edizzjoni ta’ din is-sena tas-Swieqi Fest.

Ma’ NETnews, is-Sindku spjega li l-Ħamis 8 ta’ Settembru se ssir l-10 edizzjoni tal-ġirja tas-Swieqi, fuq distanza ta’ 5 kilometri. Issir ukoll mixja kif ukoll fun-run għat-tfal. Għal din il-ġirja jattendu nies minn madwar Malta kollha.

Iżda apparti l-ġirja jittellgħu numru t’attivitajiet oħra fis-Swieqi Fest, fosthom wirja tal-arti minn artisti barranin, u serati bi spettaklu mużikali. Il-qofol mistenni jintlaħaq is-Sibt 10 ta’ Settembru b’tribute band tal-Queen li se tinġieb minn barra apposta.
Din se tkun il-ħames edizzjoni tas-Swieqi Fest.