BLOGS

52 Sena Indipendenti

Settembru reġa’ magħna u allura reġa’ wasal iż-żmien meta l-pajjiż ifakkar l-Indipendenza tiegħu, akkwistata għal Malta minn Ġorġ Borg Olivier, fil-21 ta’ Settembru 1964, dakinhar Prim Ministru ta’ dawn il-Gżejjer.
Mument qawwi u mill-aktar importanti għal kwalunkwe pajjiż, meta jieħu rajh f’idejh, meta jsir is-sid veru ta’ pajjiżu fejn jibda jikkmanda lilu innifsu hu u mhux ħaddieħor jiddettalu x’għandu jagħmel u x’inhu l-aħjar għalih. Dan hu l-jum li l-ebda ċittadin m’għandu qatt jinsa, aħseb u ara kemm m’għandu qatt ikasbar, jew jipprova jnessi jew iċekken mill-importanza kbira u ewlenija tiegħu.

Sehem Għawdex fl-akkwist
tal-Indipendenza ta’ pajjiżna

Dakinhar Għawdex kellu erba’ deputati fil-Parlament Malti li kienu l-Onorevoli Sinjuri, it-Tabib Anton Tabone, is-Sur Karmenu Refalo, is-Sur Coronato Attard u s-Sur Marċell Mizzi, Prokuratur Legali li kien tela’ f’‘by-election’ wara l-mewt tad-Deputat Ġorġ Galea, Spiżjar mir-Rabat Għawdex.
Dan Coronato Attard, jew aħjar Natu, kif konna nafuh aħna l-Għawdxin, kien tela’ fil-Parlament taħt il-kappa tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Dr. Herbert Ganado. Iżda meta ra li l-Partit tiegħu mhux se jkun parti mill-Amministrazzjoni, u meta fehem li l-wegħdi li jgħin lill-kostitwenti tiegħu ftit li xejn seta’ jwettaqhom, iddeċieda li jkun jaqbel li jissieħeb mal-Partit Nazzjonalista fejn allura jkun jista’ jgħin b’mod effettiv lill-Għawdxin li eleġġewh.
Ħaġa oħra li ġegħlitu jagħmel dan il-pass kien il-fatt li hu kien jaqbel mal-Indipendenza filwaqt li l-Kap tal-Partit tiegħu kien għadu mhux konvint li Malta tista’ timxi weħidha. Aktar minn hekk Dr. Ganado kien jibża’ ħafna minn Mintoff u allura kien jara periklu kbir jekk Mintoff ikun fil-Gvern u ma jkollu lil ħadd fuqu.

Tislima
Il-mossa ta’ Kurunat, tat Maġġoranza assoluta lill-Partit Nazzjonalista u b’hekk kompliet saħħet idejn Ġorġ Borg Olivier fil-ħidma assidwa, iebsa u kontinwa tiegħu għall-akkwist tal-Indipendenza. Minn hawn irrid illum insellem lil dawn l-Irġiel li verament kienu strumentali għall-akkwist tal-Indipendenza għal pajjiżna. Fil-fatt, il-Gvern Ingliż, iffaċċjat mid-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li kien perseveranti għall-aħħar fuq dan il-punt kif nafu, kien aċċetta t-talba tal-Partit Nazzjonalista u ffissa l-21 ta’ Settembru 1964, bħala dik id-data li fiha Malta tieħu l-Indipendenza tagħha mir-Renju Unit.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni hekk solenni għal pajjiżna kellu jiġi personalment il-Prinċep Philip, ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta II u Duka ta’ Edinburgh, biex hu jagħti lill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier id-dokument oriġinali tal-Kostituzzjoni l-ġdida li fuqha kellu issa jimxi pajjiżna. Ċerimonja serja u sinifikattiva ħafna li dawk preżenti żgur li qatt ma tmur minn quddiem għajnejhom. Dan ġara x-Xagħra tal-Furjana f’Malta, li minn dakinhar bdiet tissejjaħ l-Arena tal-Indipendenza, fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru 1964, meta għall-ewwel darba fl-istorja rajna l-Jack Ingliż nieżel mal-arblu biex minfloku titla’ tperper sovrana għal dejjem il-Bandiera Bajda u Ħamra, il-Bandiera Maltija.
Festi kbar u straordinarji kienu organizzati ma’ Malta u Għawdex kollu. Kulħadd messu xi parti żgħira jew kbira. Niftakar il-qniepen tal-knejjes kollha jdoqqu mota ta’ kwarta mat-tokki ta’ nofsilejl biex iħabbru dan l-avveniment hekk kbir u singulari għan-Nazzjon Malti. Dan l-avveniment għadu jiġi mfakkar sal-ġurnata tal-lum, però mhux mill-Gvern Malti imma mill-Partit Nazzjonalista. Li kien għall-Gvern Laburista/Soċjalista, dan l-avveniment intesa u forsi anke ħareġ minn moħħ il-poplu Malti wkoll, imma mhux hekk għall-Gvern u l-Partit Nazzjonalista.
F’Malta kien hawn żminijiet meta l-Gvern Laburista ma kienx jippermetti lin-Nazzjonalisti li jiffesteġġaw din il-festa tal-magħmudija ta’ pajjiżna, anzi, mhux sena jew tnejn li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu jispiċċaw bi ġlied u nkwiet bejn il-Maltin li kienu jattendu għal dawn il-festi u l-Pulizija tal-Istat.

Attivitajiet Indipendenza f’Għawdex
Anke f’Għawdex, id-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista dejjem raw kif għamlu u organizzaw xi tip ta’ attività biex jiġi mfakkar dan il-Jum hekk kbir. U hekk se jiġri anke din is-sena. Fil-bidu dawn l-attivitajiet kienu jikkonsistu prinċipalment f’quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla u wara riċeviment għat-tesserati, supporters u ħbieb tal-Partit Nazzjonalista. Hi ħaġa sabiħa u ġusta li anke Għawdex ifakkar dan l-avveniment. Wara kollox Għawdex ukoll ta s-sehem sħiħ tiegħu kif rajna.
Apparti l-attività ta’ Għawdex, l-Għawdxin qatt ma baqgħu lura milli jkunu preżenti għall-attivitajiet li kienu jiġu organizzati mill-Partit f’Malta. F’numru kbir minn dawn l-anniversarji Għawdex kien saħansitra jtella’ stand f’isem id-distrett. Dawn l-aktar li kienu jsiru kien proprju fi żmien l-inkwiet tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet meta kulħadd kien iħoss il-bżonn li kif jgħid l-ingliż it’s time to stand up and be counted. Illum għall-grazzja t’Alla kollox hu lura għan-normal u minkejja diskorsi ta’ tkeskis u kultant anke ta’ theddid min-naħa l-oħra, il-poplu sar intelliġenti u attent biżżejjed li kapaċi jagħraf it-tajjeb mill-ħażin u jaġixxi skont kif jaqbel għalih u għal pajjiżu.
Din is-sena jaħbat it-52 Anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta tagħna. Bħas-snin l-imgħoddija l-Partit Nazzjonalista se jfakkar dan l-avveniment kbir u annwali b’attivitajiet fuq il-Fosos tal-Furjana b’festi kbar tal-massa li jibdew mis-17 sal-20 ta’ Settembru 2016. Dakinhar isir il-Mass Meeting tas-soltu li jkun indirizzat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr. Simon Busuttil. Għalhekk dan hu avveniment ta’ ċerta importanza, kif dejjem kien. Dakinhar ilkoll kemm aħna rridu nuru li aħna Maltin u Għawdxin denji ta’ isimna u li xejn u ħadd m’hu se jnessina minn din il-ġurnata hekk memorabbli għalina lkoll.

Nuru li aħna Maltin

Niftakru wkoll li issa ninsabu biss anqas minn sentejn ’il bogħod mill-elezzjoni ġenerali. Għalhekk ikun ferm ġust u xieraq li l-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba, ikunu preżenti għal dawn l-attivitajiet, biex għal darb’oħra nuru li aħna Maltin u kburin bl-Indipendenza tagħna u li nikkonfermaw għal darb’oħra li dan hu l-akbar jum tas-sena li għandu sinifikat importanti u storiku, li jagħtina l-identità ta’ poplu Sovran, ħieles u li hu’l bogħod minn kull ħakma barranija.
Din hi l-Indipendenza li l-Partit Nazzjonalista ġab lil Malta 52 sena ilu. Però din l-Indipendenza m’għandniex neħduha for granted, imma rridu nħarsuha u nsostnuha kuljum, kull ġurnata li tgħaddi minn fuqna. Din timxi pari passu mal-kunċett tad-demokrazija. Anke din irridu nsostnuha u ngħassu fuqha kuljum. Kultant jinbtu elementi fil-pajjiż li jekk inħalluhom għaddejjin mingħajr ma nieħdu nota tagħhom jew mingħajr ma nindunaw bihom jew ninjorawhom, inkunu qegħdin nipperikolaw l-istess eżistenza tagħhom.
Illum erġajna qed naraw ċertu governanza li tħalli ħafna barra minn dak li hu mistenni u mixtieq. Illum, jien qed nara li bdiet tpetpet bozza ħamra li ta’ min jagħti kas tagħha u jipprova jindirizzaha. Jalla jien żbaljat imma ma naħsibx għax dan id-diskors jinsab fuq fomm kulħadd. Inkomplu nsegwu u naraw!
Il-Festa t-Tajba lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha