Posposta għal ġimgħatejn oħra l-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li kellu jiddeċiedi dwar il-futur tal-‘fish farms’. Dan hekk kif, fil-bini tal-Awtorità, inżammet laqgħa li ddiskutiet il-possibbiltà ta’ revoka ta’ numru ta’ permessi għall-‘fish farms’.
Wara li l-laqgħa kienet sospiża għal xi ħin, bil-membri tal-Bord jiddeliberaw b’mod privat, iċ-Chairman tal-Bord Vince Cassar ħabbar li dan se jerġa’ jitlaqqa’ l-Ħamis, 22 ta’ Settembru. Sa dakinhar, għandhom jiġu indirizzati l-irregolaritajiet, bit-tama wkoll li tinsab soluzzjoni għall-possibbiltà ta’ rilokazzjoni tal-gaġeġ.
Cassar qal li sa dakinhar għandu jintlaħaq ftehim, li jrid ikun aċċettabbli wkoll għal istituzzjonijiet oħrajn relatati, fosthom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, kif ukoll id-Dipartiment tal-Fisheries. Jekk dan ma jsirx, il-kwistjoni tar-revoka tibqa’ pendenti u tiġi diskussa fil-laqgħa ta’ ġimgħatejn oħra.
Qabel ma l-laqgħa aġġornat, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Bord Ryan Callus irrimarka kif ninsabu f’din is-sitwazzjoni għax l-operaturi ma osservawx il-kundizzjonijiet mitluba skont il-permessi. U dan wassal ukoll għal rabja kbira fil-pubbliku.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni mhijiex waħda faċli, hekk kif fuq naħa għandek industrija li tikkontribwixxi għall-ekonomija, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm l-aspett ambjentali. Madankollu, żgur li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra kif inhi bħalissa.
Ryan Callus qal li ma jaqbilx li l-unika soluzzjoni hi li jkunu rtirati l-permessi għax tidher li din hi deċiżjoni estrema wara l-problemi fl-Ambjent fl-aħħar ġimgħat.
Matul il-laqgħa, hu ppreżenta wkoll numru ta’ proposti, fosthom li l-operaturi jirrilokaw fi żmien definit, li jekk ikun hemm bżonn, ir-regolamentazzjoni ssir aktar ristretta, kif ukoll li jissaħħaħ il-monitoraġġ, bl-operaturi jintrabtu anke b’mod finanzjarju.
Sadanittant, tweet tal-Prim Ministru Joseph Muscat donnu jagħti raġun lil Ryan Callus meta qal li r-revoka tal-permess kienet imposta mill-Gvern. Fil-fatt, Muscat qal li hu diżappuntat li l-Awtorità tal-Ippjanar ma ddeċidietx wara azzjoni deċiżiva mill-Gvern.
U fi tweet separat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li issa l-ballun jinsab f’saqajn l-industrija, li żżomm l-istandards ambjentali. Sostna li issa żgur li l-ħaddiema ħadu r-ruħ.
PARTIT NAZZJONALISTA : Muscat jiprova jidher ħelu wara l-isfreġju ambjentali li għamel
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-mossa tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li jipprova jwaqqaf il-permessi tal-fish farms f’daqqa kienet waħda bla sens u intiża biss biex il-Prim Ministru jiprova jidher ħelu wara d-deċiżjonijiet ħżiena ambjentali li ħa hu u l-Gvern tiegħu. Din il-mossa kienet tkun tfisser li titwaqqaf ħesrem industrija li tirrendi €150 miljun fis-sena lill-ekonomija u li fuqha jiddependu mijiet ta’ ħaddiema u l-familji taghħom.
Fl-istqarrija, iffirmata mix-Shadow Minister Marthese Portelli, u mill-kelliema Ryan Callus u Toni Bezzina, sostnew li l-Partit Nazzjonalista jippreferi s-sens komun u għalhekk jaqbel li l-operaturi tal-fish farms ngħataw ġimgħatejn sabiex jilħqu ftehim mal-awtoritajiet biex joħorġu aktar ‘il barra mill-kosta b’kunsiderazzjoni lejn is-sajjieda u l-poplu Malti u Għawdxi kollu, u fl-istess ħin jirrispettaw l-istandards ambjentali. Il-ballun issa jinsab f’saqajn l-operaturi sabiex jagħmlu l-parti tagħhom u b’hekk isalvaw l-industrija tal-fish farms u l-impjiegi li tħaddem. Jekk ma jaslux tkun ir-responsabbiltà tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jifhem li r-rabja tal-pubbliku matul il-ġimgħat li għaddew kienet ġustifikata. Pajjiżna nvesta ħafna biex ikollna l-aktar baħar nadif fl-Ewropa u din l-industrija m’għandiex titħalla topera b’mod li tniġġeż l-ambjent. Għaldaqstant, dak li seħħ fil-ġimgħat li għaddew m’huwiex aċċettabbli għaliex mhuwiex sostenibbli. Ma’ dan jaqbel kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tar-rappreżentant tiegħu fuq il-Bord tal-Ippjanar, Ryan Callus, insista li dak li seħħ fil-ġimgħat li għaddew ma jirrepetix ruħu u li l-operaturi għandhom jintrabtu li jirrilokaw fi żmien definit li jkun maqbul bejn iż-żewġ partijiet. L-operaturi għandhom jintrabtu b’kundizzjonijiet ambjentali aktar b’saħħithom filwaqt li l-Gvern għandu jagħmel moniteraġġ kontinwu. Din hija soluzzjoni ta’ sens komun li ma tħarisx biss lejn l-immedjat, iżda toffri soluzzjoni fit-tul sabiex l-industrija tal-fish farms tkompli tikkontribwixxi lejn l-ekonomija Maltija b’rispett sħiħ lejn l-ambjent.
//= $special ?>