Internazzjonali

Attakk fuq entità karitatevoli fil-kapitali tal-Afganistan

L-uffiċini ta’ grupp internazzjonali tal-karità bbażat fl-Afganistan spiċċaw mira ta’ vjolenza – bl-attakk ikun l-aħħar f’sensiela ta’ inċidenti mdemmija fl-inħawi ta’ Kabul.

F’dan il-każ partikulari, erba’ rġiel armati assedjaw il-kumpless, fiz-zona ta’ Shar-e-Naw, fiċ-ċentru tal-kapitali, ftit wara li seħħet splużjoni b’karozza bomba fl-inħawi.

Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-aggressuri responsabbli nqatlu kollha fl-isparar sussegwenti bejnhom u l-qawwiet tas-sigurtà Afgani f’dak il-kwartier tal-kapitali.

Kien hemm ukoll indikazzjonijiet li fil-vjolenza rriżultaw numru ta’ vittmi ċivili, għalkemm id-dettalji ma kenux ċari.

L-uffiċini li sfaw attakkati huma tal-grupp Care International li qed jagħmel xogħol ta’ fejda fl-Afganistan. Sadanittant, l-ebda moviment armat ma assuma responsabbiltà għall-attakk ta’ dalgħodu li kien il-ħames wieħed fuq l-inħawi ta’ Kabul fi spazju ta’ 24 siegħa.

Fl-istess ħin, hu minnu li l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban żiedu l-azzjonijiet vjolenti f’Kabul u l-madwar, meta s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan qed taqleb dejjem għall-agħar.