Il-movimenti tal-passiġġieri bla preċedent ta’ Awwissu, li ammontaw għal 598,515, kisru kull rekord tat-traffiku stabbilit mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Din iċ-ċifra tfisser li kien hemm tkabbir ta’ 2.3% fuq is-sena li għaddiet u tindika li l-Ajruport laqa’ medja ta’ 19,300 passiġġier kuljum.
Fi stqarrija, il-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjegat li l-previżjonijiet inizjalment indikaw li matul l-aktar jum impenjattiv ta’ Awwissu, l-Ajruport kien mistenni jilqa’ madwar 22,500 passiġġier. Madankollu, biċ-ċifri preċiżi f’idejh, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jista’ jikkonferma li din iċ-ċifra prevista nqabżet u l-Ajruport fil-fatt laqa’ 22,908 passiġġier. Dan in-numru ntlaħaq waqt li l-Ajruport baqa’ jopera bla xkiel.
Ħarsa lejn l-aqwa ħames swieq tal-Ajruport turi li fix-xahar li għadda, il-maġġoranza tat-turisti li taru lejn Malta ġew mir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Għat-tieni xahar konsekuttiv, is-suq Spanjol deher bħala l-ħames l-aqwa kontributur tat-traffiku lejn Malta.
Is-swieq li rreġistraw l-akbar tkabbir kienu l-Polonja u Spanja, Il-Polonja rreġistrat tkabbir ta’ 47% fuq is-sena li għaddiet, wara li l-introduzzjoni ta’ Gdansk u Poznań tellgħu n-numru ta’ rotot Pollakki għal ħamsa. Min-naħa l-oħra, Spanja rreġistrat tkabbir ta’ 14.7% fuq l-2015 wara l-bidu tal-operat ta’ Iberia Express minn Madrid u kapaċità miżjuda lejn Ġirona.
It-tagħbija u l-posta rreġistraw tnaqqis ta’ 3.20% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.
//= $special ?>