Jum biss qabel għalqet 19-il sena mejta, il-Papa Franġisku kkanonizza u ddikjara qaddisa lil Madre Tereża ta’ Kalkutta. Dan sar nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru.
Safejn naf jien, fl-istorja tal-Knisja Kattolika, kien biss il-Papa Ġwanni Pawlu II li kien dikjarat qaddis f’perjodu wara mewtu iqsar minn dak ta’ Madre Tereża. Ġwanni Pawlu II kien dikjarat qaddis disa’ snin biss wara mewtu u Madre Tereża wara 19-il sena. It-tnejn huma qaddisin ta’ żmienna. Li niftakruhom ħajjin u jaħdmu fl-oqsma rispettivi tagħhom.
Madre Tereża twieldet fl-1910 u mietet ta’ 87 sena. Ta’ 18-il sena daħlet soru u bdiet tgħallem fi skejjel kattoliċi l-aktar fl-Indja.
Wara 17-il sena tgħallem, ħasset is-sejħa biex titlaq it-tagħlim u minflok tiddedika ħajjitha għall-morda u l-fqar u bdiet din il-missjoni fl-Indja stess iżda maż-żmien il-ħidma tagħha u tal-komunità ta’ sorijiet li segwewha nfirxet madwar id-dinja, inkluż f’Malta.
Għal 41 sena sħaħ, sakemm mietet fil-5 ta’ Settembru 1997, Tereża ta’ Kalkutta, kif kienet ukoll magħrufa, fetħet diversi sptarijiet, ċentri għal nies għomja, djar għall-anzjani, djar għal persuni b’diżabbiltà u saħansitra waqqfet kolonja għall-persuni morda bil-Lebbra li ħadd ma ried jersaq lejhom.
Diveri attributi
Madre Tereża tul ħajjitha kellha diversi attributi. L-imħabba lejn il-persuni vulnerabbli, l-għajnuna kbira li tat lill-foqra, il-kliem ta’ faraġ u sostenn lil dawk li ltaqgħet magħhom fit-toroq l-aktar maħmuġa tal-Indja, u tant aktar. Imma fil-fehma tiegħi, l-akbar virtù li kellha kienet l-umiltà.
Flok lill-kbarat u lid-dinjitarji tad-dinja fittxet lill-morda u l-foqra. Kielet magħhom fit-toroq u l-isqaqien mudlama ta’ Kalkutta flok fil-palazzi u l-lukandi lussużi.
Hi baqgħet magħrufa wkoll għat-tagħlim li tat waqt il-qadi tal-missjoni tagħha. Uriet biċ-ċar u bla biża’ l-fehmiet tagħha anke fi kwistjonijiet kontroversjali li tfaċċaw fi żmienha.
Fl-1979 meta ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi, fid-diskors li għamlet qalet bla tlaqliq li fil-fehma tagħha “l-abort kien qed ikisser il-paċi fid-dinja”.
Fl-1995 meta fl-Irlanda – pajjiż Kattoliku li fih bdiet il-ħidma tagħha bħala soru – kien se jsir ir-referendum dwar id-divorzju, Madre Tereża kienet għamlet appell imqanqal lill-poplu Irlandiż biex jivvota kontra d-dħul tad-divorzju f’dak il-pajjiż. Min jaf x’kienet tgħid lilna l-Maltin kieku għadha ħajja u taf b’dak li qed ikun diskuss f’pajjiżna f’dawn il-ġranet fuq dawn is-suġġetti.
Kwotazzjonijiet
Ħafna mill-kwotazzjonijiet tagħha għadhom jintużaw sal-lum minn persunaġġi internazzjonali fosthom uħud li anqas huma kattoliċi. Waħda minn dawn il-kwotazzjonijiet, li lili personalment tolqotni ħafna, hi dik li qalet li “jekk tiġġudika n-nies ma għandekx żmien biex issir tħobbhom”. X’lezzjoni kbira hi din għalina lkoll.
L-eluf kbar ta’ nies li nġabru fi Pjazza San Pietru f’Ruma għaċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni ta’ din soru qsajra u mgħawġa, flimkien ma’ miljuni oħra li segwew l-istess ċerimonja minn djarhom permezz tat-televiżjoni, huma xhieda ta’ kemm din il-mara daħlet fi qlub in-nies madwar id-dinja kollha.
L-eżempji tagħha qegħdin hemm għalina lkoll. Kbar u żgħar. Nisa u rġiel. Sudditi u ħakkiema. Qegħdin hemm fuq kollox għall-mexxejja tad-dinja.
Kieku kulħadd jimxi fuq l-eżempji tagħha, ma hawnx dan il-faqar, dan il-ġlied, dawn id-diżastri kollha li hawn kulfejn tħares madwarek.
Jalla din il-qaddisa ta’ żmienna tkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll u tgħinna nsewwu l-inġustizzji kbar li hawn fid-dinja.