Lokali

FILMAT: Neville Gafa’ f’tentattivi fil-Libja biex jaħbi ismu

Uffiċjali f’Kastilja joffru impjiegi bil-għan li jagħlqu ħalq min qed jikxef dan l-iskandlu

In-Nazzjon illum żvela li Neville Gafà, li dwaru qed isiru allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fil-ħruġ tal-visas mediċi lil-Libjani, fl-aħħar ġimgħat għamel diversi kuntatti ma’ persuni fil-Libja f’tentattiv biex jingħata għajnuna li tista’ “issalvah” mill-mod kif dan l-iskandlu qed ikompli jinkixef minn ġurnata għall-oħra.

Dan kien żvelat mill-kelliem tal-Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff f’kummenti li għadda, li fl-aħħar jiem hedded li se tinħareġ aktar evidenza dwar dan l-iskandlu jekk ma jittieħdux passi mill-Gvern.

Ma’ In-Nazzjon, Ivan Grech Mintoff qal li fl-aħħar jiem, l-evidenza dwar l-involviment ta’ Neville Gafà fl-iskandlu tal-ħruġ tal-visas mediċi kompliet tikber u mhux tonqos, tant li hemm evidenza li Gafà qed jikkuntattja persuni Libjani u jgħidilhom “għini, salvali ħajti” – dan b’referenza għall-mod kif qed ikomplu jinkixfu dettalji fil-media lokali dwar l-involviment ta’ Neville Gafà fl-iskandlu tal-visas mediċi.

Skont Ivan Grech Mintoff, wieħed mill-persuni fil-Libja li kien ikkuntattjat minn Gafà għall-għajnuna, wieġeb lura: “imma għalfejn għandi ngħin ħalliel kbir daqsek?”.

Neville Gafà hu ħabib tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tant li wara l-elezzjoni ġenerali iddaħħal jaħdem Kastilja fejn kien ukoll qrib iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Wara, mar jaħdem fil-Ministeru tas-Saħħa flimkien ma’ Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien Ministru tas-Saħħa.

Fl-iskandlu tal-visas mediċi qed ikun allegat li Gafà żamm għandu b’mod abbużiv mhux anqas minn €35,000 minn applikazzjonijiet għal visas mediċi li ma mmaterjalizzaw qatt.

Il-whistleblower li kixef dan l-iskandlu, Khaled Ben Nasan, ġie mhedded minn persuna li ċempillu u qallu “jekk se tparla u tagħti l-videos jew id-dokumenti, tista’ tinsa lil uliedek”. Fl-aħħar jiem, ġie żvelat ukoll li l-whistleblower safa intimidat minn tliet Pulizija li fost l-akkużi li bdew isemmu hemm dik li Ben Nasan qed jipprova jwaqqa’ lill-Gvern.

Imma dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet li jipproteġu lill-whistleblower, ikkummenta Ivan Grech Mintoff, li ma’ In-Nazzjon qal li mhux talli l-whistleblower mhux qed jingħata protezzjoni iżda talli “qed isiru sforzi biex it-traċċi jiġu moħbija”.

Mistoqsi biex jiċċara xi jrid ifisser b’din id-dikjarazzjoni, Grech Mintoff wieġeb “Gafà qed jikkuntattja nies (mil-Libja) u jsaqsihom biex jgħinuh biex isalva ħajtu, sinjal li dawn (in-nies li qed jikkuntattja Gafà) għandhom l-evidenza”.

In-Nazzjon prova jagħmel kuntatt ma’ Neville Gafà biex jieħu r-reazzjoni tiegħu għal din l-istorja. L-ewwel intlabna biex nibgħatu e-mail bil-mistoqsijiet tagħna, madanakollu ftit minuti wara, irċevejna telefonata mingħand Neville Gafà li matulha qalilna li jiċħad l-allegazzjonijiet kollha. Madankollu hu rrifjuta li jiġi rrekordjat jiċħad l-allegazzjonijiet u għaldaqstant, bgħattna e-mail lil Gafà li fiha tlabnieh jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat għamilx kuntatti ma’ persuni fil-Libja bil-għan li jaħbi ismu mill-iskandlu tal-visas mediċi.

Madanakollu, fir-risposta bil-miktub tiegħu, Gafà naqas milli jwieġeb il-mistoqsija tagħna u minflok issuplixxa risposta ġenerika li fiha qal li jiċħad kategorikament li hu involut f’xi atti ta’ korruzzjoni u dak kollu allegat fl-iskandlu tal-visas. “L-iskandlu jidher li huwa minn min qed jinqeda bi provi u dokumenti foloz u jagħmel akkużi foloz għal għanijiet politiċi u partiġġjani” qalilna Gafà fir-risposta tiegħu.

Intant, fl-istess kummenti ma’ In-Nazzjon, il-kelliem ta’ Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff qal li ġie offrut impjieg biex ma jitkellimx aktar dwar dan l-iskandlu.

“Jien ġejt offrut ‘job’, mhux għax għandi bżonn, imma biex nagħlaq ħalqi,” iddikjara Grech Mintoff fil-kummenti tiegħu, li kompla li “membri mill-Uffiċju tal-Prim Ministru kkuntattjawni b’mod indirett fejn offrewli ‘job’ biex nagħlaq ħalqi”. “Jien irrifjutajt” temm jgħid Ivan Grech Mintoff.

Intant, fid-dawl tal-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, fl-aħħar jiem kompliet toħroġ ir-rabta bejn il-kriminalità u Kastilja, tant li l-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jgħid meta sar jaf b’dan l-iskandlu.