Iċ-Ċina wissiet li jistgħu jingħataw ‘il-penali’ lil kulmin jorganizza attivitajiet u jimpenja ruħu favur l-indipendenza tat-territorju ta’ Hong Kong.
Il-messaġġ xott u iebes ingħata wara li attivisti żgħażagħ favur id-demokrazija, nhar il-Ħadd, rebħu s-siġġijiet fil-Kunsill Leġislattiv ta’ Hong Kong li, filwaqt li għandu status awtonomu, hu wkoll stabbilit bħala Reġjun Amministrattiv Speċjali taċ-Ċina.
Intant, il-Gvern Ċiniż qed jenfasizza ‘l-oppożizzjoni konkreta tiegħu’ għal kwalunkwe attivitajiet favur territorju ta’ Hong Kong indipendenti li jistgħu jsiru fil-Kunsill Leġislattiv inkwistjoni inkella l-madwar.
Dan meta ħafna residenti f’Hong Kong qegħdin jinkwetaw aktar dwar l-interventi tal-Gvern komunista taċ-Ċina fil-politika partikulari li tappartjeni għar-reġun awtonomu speċifiku.
Fl-elezzjoni tal-Ħadd kienu eletti 30 attivist favur id-demokrazija li qed jiffurmaw parti mill-Kunsill Leġislattiv ġdid ta’ Hong Kong. Ir-riżultat tal-elezzjoni wera li l-grupp ‘favur id-demokrazija’ fi ħdan il-Kunsill, issa, ‘żdied bi tlieta oħra fuq in-numru preċedenti’ – b’dan ifisser ukoll li l-attivisti inkwistjoni jistgħu jeżerċitaw il-veto fil-konfront tal-impenji għall-bidliet kbar fuq livell kostituzzjonali.
Intant, il-Kunsill ta’ Hong Kong jinkludi almenu sitt kandidati żgħażagħ li jridu li t-territorju ‘jamministra u jiddetermina l-affarijiet tiegħu mingħajr l-indħil ta’ ħadd’.
Madankollu, il-Gvern Ċiniż ma jridx jikkunsidra li Hong Kong jingħata aktar indipendenza politika, bl-Uffiċċju Ċiniż għall-Affarijiet relatati għal Hong Kong jinnota li ‘il-kandidati ta’ Hong Kong kienu qed jippromwovu b’mod pubbliku l-impenji għall-indipendenza waqt il-kampanja elettorali ta’ jiem ilu’.
//= $special ?>