Heritage Malta se tiftaħ għall-pubbliku l-bibien tal-Forti Sant’Anġlu l-Ħamis li ġej, fl-okkażjoni tal-Festa Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja. B’differenza minn attivitajiet passati ta’ din ix-xorta, fit-8 ta’ Settembru l-pubbliku se jkollu aċċess għall-parti ta’ fuq tal-Forti, li titmexxa mill-Ordni Militari Sovran ta’ Malta. Fil-fatt, il-pubbliku se jkun jista’ jżur il-Bitħa tal-Palazz Maġisterjali, kif ukoll il-Kappella ta’ Sant’Anna u l-madwar tagħha.
F’din l-okkażjoni, minbarra l-opportunità li jitgawdew ix-xogħolijiet ta’ restawr li għadhom kemm tniedew, il-pubbliku se jkun jista’ jieħu sehem ukoll fid-diversi attivitajiet li se jiġu organizzati matul il-jum.
L-attivitajiet jibdew nofsiegħa wara l-ftuħ tal-Forti, meta fid-9.30am issir Quddiesa fil-Kappella tan-Natività u siegħa wara ssir ċerimonja ħdejn il-Monument li jfakkar ir-Rebħa fl-Assedju l-Kbir. F’12pm issir Quddiesa oħra, iżda din id-darba fil-Kappella ddedikata lil Sant’Anna, li tinsab fil-parti ta’ fuq tal-Forti.
Biex il-pubbliku jkun mgħarraf aktar dwar il-Forti u l-użu matul is-snin, Heritage Malta se torganizza żjarat bi gwida fil-11am u fit-3pm, bil-Malti u bl-Ingliż. Spjega oħra dwar l-użu tal-Forti se ssir permezz ta’ rappreżentazzjonijiet minn gruppi ta’ ‘re-enactment’.
Minħabba l-pożizzjoni strateġika fil-Ponta tal-Birgu, min iżur il-Forti Sant’Anġlu jgawdi wkoll minn veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir. Għalhekk, din l-attività se sservi wkoll ta’ opportunitá biex il-pubbliku jsegwi t-tiġrijiet tradizzjonali tar-Regatta tal-Vitorja, li jsiru fl-istess Port waranofsinhar.
Id-dħul se jkun għall-prezz ta’ €2, bil-ħinijiet tal-ftuħ ikunu bejn id-9am u s-6.30pm (l-aħħar dħul fis-6pm). Aktar informazzjoni dwar l-attività fil-Forti Sant’Anġlu u avvenimenti oħrajn organizzati minn Heritage Malta tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku uffiċjali tal-Aġenzija (www.heritagemalta.org) jew mill-Paġna fuq Facebook.
//= $special ?>