Fl-aħħar lejl ta’ Settembru fil-Belt Valletta, se tittella’ l-ħames edizzjoni ta’ Science in the City fejn Malta tingħaqad ma’ diversi bliet Ewropej li jiċċelebraw ir-riċerka b’aktar minn 300 attivita’ madwar l-Ewropa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Alex Felice qal li t-tema ta’ din is-sena hi l-għeġubijiet u l-problemi tal-moħħ. Hu qal li bħalissa għaddejja riċerka importanti fl-Unjoni Ewropea u l-Amerika ta’ Fuq dwar il-moħħ li, paragunat ma’ riċerka u tagħrif ta’ organi oħrajn, għad għandu diversi misteri li jridu jiġu mistħarrġa bir-riċerka.
L-Attivita’ Science in the City issa daħlet fil-ħames sena tagħha u kulma jmur dejjem żiedet fil-popolarita’ tagħha tant li hu stmat li iktar minn 20,000 persuna żaru l-attivitajiet varji waqt l-edizzjoni tas-sena li għaddiet. Il-Kap Eżekuttiv tat-Trust tar-Riċerka tal-Universita ta’ Malta, Wilfred Kenely, qal li n-numri jitkellmu waħedhom u l-mira li tressaq ix-xjenza eqreb lejn il-pubbliku qed tintlaħaq.
Il-manager tal-proġett, Edward Duca ta dettalji dwar il-programm ta’ din is-sena li jinkludi stallazzjoni tal-arti, esperimenti, mużika, films u diskussjonijiet.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka Chris Agius, feraħ lill-organizzaturi ta’ din l-inizzjattiva u tenna l-possibilita’ li bħal attivitajiet oħrajn, Science in the City fil-ġejjieni tinfirex lil hinn mill-Belt Valletta.