Internazzjonali

Ix-xufier ta’ Putin imut f’inċident stradali

L-istampa fir-Russja żvelat li raġel tilef ħajtu f’inċident li kien jinvolvi l-karozza uffiċjali tal-President Russu, Vladimir Putin.

Ingħad li l-karozza BMW ta’ Putin kienet involuti f’ħabta head-on ma’ vettura oħra li qasmet min-naħa opposta tat-triq u li l-President, Vladimir Putin, ma kienx riekeb fil-karozza tiegħu fil-ħin tal-inċident.

Ir-rapporti uffiċjali qalu wkoll li l-karozza tal-President, dak il-ħin, kienet misjuqa mix-xufier uffiċjali ‘favorit’ ta’ Putin, li tilef ħajtu immedjatament mad-daqqa.

Ingħad li dan ix-xufier, li ma ssemmiex, kellu aktar minn 40 sena esperjenza bħala xufier mal-ogħla personalitajiet uffiċjali tal-pajjiż.

Il-karozza inkwistjoni hi rreġistrata bħala proprjetà tal-Kunsill Federali Russu – magħruf ukoll bħala s-Senat jew il-Kamra ta’ Fuq tal-Parlament.

Ix-xufier  (li kien qed jivvjaġġa waħdu)  tal-karozza li ħabtet mal-vettura uffiċjali ta’ Vladimir Putin ittieħed l-isptar dritt wara l-inċident, fejn kien rappurtat li hu f’kundizzjoni kritika.