Internazzjonali

Karozza-bomba tal-ISIS twettaq straġi fil-qalba ta’ Bagdad

It-terroristi tal-ISIS ħadu responsabbiltà għal attakk b’karozza-bomba li ħalliet straġi fiċ-ċentru ta’ Bagdad, il-kapitali tal-Iraq, fost rapporti li mietu, almenu, għaxar persuni.

Il-karozza-bomba inkwistjoni, f’dan il-każ, kien trakk tat-tip pick-up li kien ippakkjat bl-isplussivi. L-attakk kien dirett b’mod partikulari lejn id-distrett kummerċjali ta’ Karrada (f’Bagdad) li, fil-parti kbira, hu iddominat mill-Musulmani Xiti.

L-isplużjoni anki ħalliet għexieren ta’ midruba, b’numru ta’ stabbilimenti fiz-zona jieħdu n-nar, b’konsegwenza.

L-attakk seħħ f’sit pjuttost viċin fejn splużjoni oħra ta’ trakk-bomba, f’Lulju, kienet ħalliet ‘il fuq minn 300 mejtin.

Stqarrija mill-ISIS qalet li l-ġellieda tal-grupp kienu kkonċentraw l-attakk fuq iċ-ċivili Xiti fid-distrett ta’ Karrada. L-ISIS, fl-istess ħin, ‘ftaħar’ li kien kapaċi xorta jwettaq l-attakk minkejja l-preżenza kbira tas-sigurtà fl-inħawi.

It-toroq ta’ Karrada huma mimlijin bil-ħwienet u r-ristoranti u, f’dan iż-żmien tas-sena, ikunu pakkjati bin-nies li jkunu qed iħejju għaċ-ċelebrazzjoni tal-festival Iżlamiku ta’ Eid al-Adha, li tibda l-ġimgħa d-dieħla.