“Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss, għaliex qatt ma ninsulta l-intelliġenza tan-nies li jaraw u jiżnu kollox.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt riċeviment fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tar-Rabat għat-tesserati u attivisti tal-5, 6 u s-7 Distrett elettorali bħala parti mill-attivitajiet biex ifakkru l-kisba tal-Indipendenza.
Hu qal li n-nies jippreferu li jimxu wara xi ħadd li għandu prinċipju milli min m’għandu ebda prinċipju.
Simon Busuttil kompla li f’dawn it-tliet snin u nofs ta’ Gvern Laburista, il-prinċipji taru mar-riħ u ninsabu f’sitwazzjoni fejn mhux biss hawn l-illegalita’ iżda għandna Prim Ministru li jagħlaq għajnejh għall-illegalita’ u jiddefendi lil ta’ madwaru, li kienu magħżula minnu u għalhekk għandu jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ għemilhom.
B’kuntrast ma’ dan, kompla Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista għandu t-tema “Nirnexxu lkoll flimkien”, li tmur għall-qalb tal-PN, li hi mal-poplu kollu u ħidma għall-ġid ta’ kulħadd.
Anki l-isem Partit Nazzjonalista juri biċ-ċar li hu l-partit għan-nazzjon kollu u mhux għall-ftit, temm il-Kap tal-PN
//= $special ?>