Din is-sena l-Beata Maria Adeodata Pisani tagħlaq 210 snin mit-twelid tagħha u 15-il sena minn meta l-Papa Ġwanni Pawlu t-tieni għamilha Beata waqt ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana.
Fl-okkażjoni ta’ dawn iż-żewġ anniversarji f’Ottubru, se jkun qed jittella’ Oratorju oriġinali fuq kitba ta’ Paul Ellul u mużika tas-Surmast Raymond Zammit.
Id-dettalji dwar dan l-Oratorju, li qed ikun deskritt bħala wieħed nazzjonali, ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet. Tkellimna mal-awtur tiegħu Paul Ellul dwar fuqhiex se jkun qed jikkonsisti dan l-Oratorju.
Minn naħa tiegħu s-Surmast Raymond Zammit qal li permezz tal-mużika xtaq li t-tifkira tal-beata Adeodata Pisani tkun apprezzata minn kulħadd. Qal wkoll li tul il-ħames xhur li dam jaħdem fuq il-mużika ta’ dan l-Oratorju, l-emozzjonijiet li ħass kienu kbar. Dan minbarra li spjega kif l-orkestrazzjoni se tirifletti s-sempliċita’ tal-Beata.
L-Oratorju se jitella’ fl-14 ta’ Ottubru fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina bil-kollaborazzjoni tas-sorijiet Benedittini, tal-Kurja Arċiveskovili u tal-Bank APS.
Id-dħul għall-Oratorju se jkun b’xejn.
//= $special ?>