Avviż fuq is-sit okmalta.com fis-sezzjoni tal-avviżi klassifikati, jagħmel sejħa pubblika għal persuni interessati li jaħdmu f’latrina pubblika f’San Pawl il-Baħar. Iżda b’differenza, dan l-artiklu partikolari talab li ma setax ikun hemm applikanti li jkunu ta’ nisel Afrikan.
L-avviż jgħid ukoll li hemm bżonn ta’ ħaddiem li jamministra l-latrina pubblika f’San Pawl il-Baħar billi jnaddaf, jiftaħ u jagħlaq dawn il-latrini. Il-ħaddiem hu mistenni li jkollu liċenzja tal-karozza, kondotta nadifa, u lest li jaħdem u jagħqdi d-dmirijiet li jiġu ma’ dan ix-xogħol.
F’kummenti ma’ netnews.com.mt, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea iddiżassoċjat ruħha minn din is-sejħa diskriminatorja. Hi saħqet li saret sejħa pubblika għal tenders, fejn kull min jitfa’ l-offerta tiegħu għat-tender mistenni li jamministra sitt latrini pubbliċi f’San Pawl il-Baħar. Minkejja dan, din is-sejħa pubblika għat-tenders għalqet ftit tal-jiem ilu, d-deċiżjoni ta’ min rebaħ it-tender għadha ma ttiħdietx.
Is-Sindku Graziella Galea qalet li temporanjament, bħalissa qed isir tindif u manutenzjoni ta’ dawn l-istess latrini pubbliċi mill-ħaddiema tal-Kunsill stess – li fost dawn il-ħaddiema ma jinkludix l-isem ta’ Anthony Debono – li allegatament hu l-persuna li tefa’ dan l-avviż fuq is-sit okmalta.com.
F’isem il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, hi kompliet li tinsab sorpriża b’dan l-avviż u kkonfermat li dan l-avviż ma sarx mill-imsemmi Kunsill. Graziella Galea stqarret li l-Kunsill Lokali qatt ma għamel sejħa b’rikjesta diskriminatorja bħal dik mingħand l-applikanti. Filfatt, il-Kunsill Lokali għamel talba pubblika għall-handyman, u din ir-rikjesta, li persuna ta’ oriġini Afrikani ma jistax japplika, ċertament li ma ntużatx.
“Issa li ġejt infurmata b’dan l-avviż partikolari, jien se nkun qed nfittex aktar informazzjoni dwar dan il-każ”, temmet tgħid is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea.
//= $special ?>