Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena jipprepara għall-Kampjonat Ewropew fl-Olanda

 

Wara l-kwalifikazzjoni tat-tim ta’ taħt is-17-il sena f’Baku f’Ġunju tal-2015 u l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tat-tim tal-kbar f’Jannar li għadda fis-Serbja, issa jmiss lit-tim ta’ taħt id-19-il sena li fi ftit jiem oħra se jilagħbu wkoll fil-fażi finali din id-darba fl-Olanda.

F’konferenza stampa, il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-kbar Karl Izzo qal li t-tim se jkun qed jitlaq il-Ġimgħa filgħodu, ftit sigħat wara li l-kampjonat lokali jintemm. Dakinhar stess, it-tim se jkun qed jitħarreġ b’sessjoni filwaqt li jitħarrġu darbtejn oħra s-Sibt qabel l-ewwel impenn tagħhom.

Il-kowċ tat-tim Anthony Farrugia rringrazzja lill-assoċjazzjoni, lill-istaff tekniku u lill-isponsors tal-appoġġ tagħhom. Hu qal li din il-kwalifikazzjoni waslet permezz tax-xogħol ta’ kulħadd fosthom tal-plejers. Farrugia qal li biex ikkwalifikaw għall-Kampjonat Ewropew huma kienu għelbu lis-Slovenja, l-Ukrajna, il-Bulgarija filwaqt li tilfu kontra l-Ġermanja bi skor rispettabbli. Il-mira tal-kowċis nazzjonali hi li jirnexxilhom jispiċċaw bejn it-13 u l-14-il post.

It-tim Malti jilgħab l-ewwel logħba l-Ħadd 11 ta’ Settembru fl-10.15 kontra l-Ungerija, l-għada 12 ta’ Settembru jilagħbu kontra l-Montenegro filwaqt li t-tielet partita tal-Grupp tkun it-Tlieta 13 ta’ Settembru kontra l-Greċja. Wara dan il-partiti, ikun hemm il-partiti ta’ klassifikazzjoni, bit-tim Malti jilgħab skont fejn jispiċċa fil-grupp.

Skwadra finali: Jake Tanti (Neptunes), Nicholas Bugelli (Sliema), David Fenech (Sliema), Jacob Sciberras (Sirens), Isaiah Riolo (Sirens), Ben Plumpton (San Ġiljan), Joseph Galea (San Ġiljan), Michele Mifsud (Sliema), Jeremy Abela (Neptunes), Miguel Zammit (Neptunes), Matthias Azzopardi (Neptunes), Darren Zammit (San Ġiljan), Fredrick Buhagiar (San Ġiljan)

16-il tim parteċipant:

Grupp A: Serbja, Italja, Ġermanja, Turkija

Grupp B: Kroazja, Russja, Georgia, Ażerbajġan

Grupp Ċ: Spanja, Olanda, Rumanija, Slovakkja

Grupp D: Greċja, Ungerija, Montenegro, Malta

 

 

Enemed u l-ASA jiffirmaw ftehim

Sadanittant, grazzi għas-suċċess reċenti fil-Waterpolo, l-ASA assigurat ftehim mal-kumpanija Enemed li se tkun l-isponsor uffiċjali tat-timijiet nazzjonali kollha tal-Waterpolo nkluż tan-nisa wkoll.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li l-ASA tagħmel ħafna sforzi biex iżżomm mal-aqwa plejers u nazzjonijiet Ewropej. Hu fakkar li mill-aqwa 16-il tim fl-Ewropa, Malta hi l-unika pajjiż li t-tim tagħha mhux professjonali filwaqt li ma jagħmlux użu minn plejers barranin li jilagħbu mat-tim nazzjonali fejn l-uniku plejer tat-tim nazzjonali mhux imwieled Malta, akkwista ċ-ċittadinanza Maltija.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop qal li hu ta’ unur għal kumpanija li jkunu sponsors tal-ASA. Hu qal li hemm similarità bejn it-tnejn minħabba li fi kliemu t-tnejn għamlu progress sinifikanti.

Il-ftehim li ġie ffirmat ukoll ilbieraħ hu ta’ tliet snin filwaqt li Chircop jibqa’ jittama li l-Waterpolo lokali jkompli jagħmel isem għal Malta. Dan il-ftehim jinvolvi għajnuna finanzjarja iżda Chircop tenna li lesti li jgħinu kull meta jkun hemm bżonn xi ħaġa oħra. Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-kumpanija qal li dan il-ftehim se jkun qed japplika għall-isport tal-Waterpolo.