Il-President Amerikan Barack Obama ħassar laqgħa li kellha ssir fil-Laos, bejnu u l-President tal-Filippini Rodrigo Duterte. Dan wara li Duterte kien tkellem b’mod dispreġjattiv dwar Obama u anki insulentah personalment fil-pubbliku.
Duterte, li, f’pajjiżu, ħoloq kontroversja kbira bil-politika tiegħu, ħareġ bl-insult għal Obama waqt li wieġeb għall-wegħda tal-President Amerikan biex iqajjem l-issue tal-qtil extra-ġudizzjarju relatat għal persuni involuti fid-droga fil-Filippini. Il-kwistjoni kellha tkun trattata waqt il-laqgħa programmata f’Vientiane (f’Laos), bejn Obama u Duterte.
Intant, il-kliem mhux meqjus ta’ Rodrigo Duterte qed jidhru li ħallew konsegwenzi diplomatiċi u l-President Filippin, issa, qed jgħid li ddispjaċih għal dak li qal.
Din ma kenitx l-ewwel darba li Duterte insulenta lill-Mexxejja barranin, fejn, fil-passat, uża kummenti mhux xierqa anki fil-konfront tal-Papa Franġisku.
Il-kwistjoni bdiet meta Obama mar f’Laos għas-summit tal-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi Asjatiċi tax-Xlokk (ASEAN) u sar magħruf li hu kellu jqajjem it-tħassib dwar l-abbużi tad-drittijiet umani fil-Filippini. Intant, qabel telaq lejn Laos, il-President Duterte tkellem b’mod urtat f’Manila fejn sostna li l-Filippini ‘ilha li spiċċat bħala kolonja tal-Amerikani’, filwaqt li insulenta bl-aħrax lil Obama.
Għalkemm, fil-bidu, Barack Obama pprova jimminimizza l-inċident, l-uffiċjali tiegħu, aktar tard, ħassru t-taħditiet li kellhom isiru fil-Laos bejn il-President Amerikan u Duterte. Min-naħa tiegħu, il-President Filippin beħsiebu jkompli bil-kampanja anti-droga f’pajjiżu fejn inqatlu mal-2,400 suspettati traffikanti u nies involuti fid-droga mindu hu ħa l-poter, f’Ġunju.
//= $special ?>