Lokali

Żewġ premji għal xogħol ġurnalistiku marbut mal-V18

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin nieda żewġ awards li jippremjaw ix-xogħol ġurnalistiku marbut mal-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Il-Fondazzjoni li qed taħdem sabiex fl-2018 il-Belt Valletta ma tkun nieqsa minn xejn hekk kif tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Id-dettalji dwar dawn iż-żewġ awards tħabbru miċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright u mic-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef. Huma spjegaw kif iż-żewġ awards se jolqtu l-media kollha jiġifieri, script miktub, filmati u ritratti.

Karl Wright qal li l-Istitut ħass li għandu jirrikonoxxi x-xogħol ġurnalistiku li jsir b’rabta ma’ dak li għaddej fil-Belt Valletta dan minbarra l-fatt li din hi l-ewwel darba li żewġ awards qed ikunu marbuta ma’ avveniment partikolari.

Minn naħa tiegħu Jason Micallef qal li mumenti speċifiċi li jiġu minn żmien għal żmien, bħal ma hu l-avveniment Valletta 2018, għandhom ikunu sfruttati.

Iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright qal li ż-żewġ awards se jirrikonoxxu x-xogħol ġurnalistiku li jkun kopra l-ħidma u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Valletta 2018 mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru tal-2016.

Award minnhom se jingħata għall-fotografija kumplimentata bi skript miktub.

L-award l-ieħor se jingħata għall-ġurnaliżmu mxandar fejn qed ikun mitlub ukoll li jiġi preżentat script li jkun jikkumplimenta x-xogħol ġurnalistiku mxandar.

Il-ġurija se tkun magħmula minn rappreżentant maħtur mill-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mat-tliet membri tal-ġurija li jinħatru biex jevalwaw is-sottomissjonijiet.

Il-finalisti jitħabbru f’Marzu tas-sena d-dieħla biex imbagħad ir-rebbieħa jitħabbru fis-serata finali tal-Malta Journalism Awards li se ssir f’Mejju tas-sena ddieħla.