We don’t need no Vote Control

Matul dawn l-aħħar tliet snin ta’ Gvern Laburista, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-politiċi tagħha komplew ħadu daqqa ’l isfel meta jidhru taħt il-lenti lokali u Ewropea. Dan huwa fatt! Tul snin twal, pajjiżna bena reputazzjoni biex bil-fatti u mhux bil-kliem – għax Joseph Muscat kliem għandu bil-wisq – li bħala pajjiż, nistgħu nitqiesu minn fost l-aktar kredibbli fejn tidħol il-politika, minkejja li pajjiżna, għax żgħir fid-daqs u bil-popolazzjoni li għandu, dejjem se jibqa’ jsib id-diffikultajiet ta’ klijenteliżmu u nepotiżmu.
Dan il-Gvern donnu ħalef li jisfida din ir-reputazzjoni u kontinwament, isem pajjiżna quddiem l-Ewropa deher imtebba’. Sensiela ta’ skandli li anke minnhom ixxukkjaw lill-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea ma kinux biżżejjed: il-bejgħ taċ-ċittadinanza – kwistjoni li llum għadha qed tissemma wkoll – u l-każ skandlu tal-Panama Papers li fih Konrad Mizzi kellu r-rwol tal-protagonist. Imbagħad kellna l-grilling ta’ Toni Abela li kompla kkonferma kemm Joseph Muscat, hu dgħajjef meta jiġi biex jieħu ċerti għażliet.

Manipulazzjoni
Mhux l-istess jista’ jingħad li hu dgħajjef imma meta jiġi biex jimmanipula u jamministra lil ħaddieħor. Jekk xejn, dan il-Gvern se jibqa’ mfakkar għall-aktar Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet indipendenti, fosthom il-Korp tal-Pulizija – li hu wkoll partner in crime ma’ Muscat, Mizzi u Schembri fil-każ tal-Panama Papers – u issa, Leo Brincat jikkonfermalna li saħansitra Joseph Muscat irnexxielu wkoll jimmanipula l-vot tal-membri parlamentari biex isalva ġild Konrad Mizzi meta ftit ġimgħat ilu quddiemu kellu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern korrott tiegħu stess.
Li qal Leo Brincat lill-Parlament Ewropew jumejn ilu – Brincat kien in-nominat tal-Gvern Malti biex jieħu postu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri – hu konferma ta’ kemm Joseph Muscat ħataf taħt idejh id-demokrazija tal-pajjiż.
Jekk qatt nista’ nemmen lil Brincat jew le, hi biss opinjoni personali, imma tajjeb li nagħti titwila ħafifa lejn l-ineżattezzi li ppreżenta quddiem il-Parlament Ewropew:
● Insibha bi tqila biex nemmen li kieku kien hu nnifsu, kien jirriżenja jew jissospendi lilu nnifsu meta dan ma lissinx kelma fil-konfront ta’ Mizzi waqt l-iskandlu tal-Panama Papers.
● Insibha bħala insult lid-demokrazija li ma kellux id-dritt jivvota favur il-mozzjoni għax Joseph Muscat ma ħalliehx.
● Inħossha b’offiża meta jgħid li żamm postu fil-kabinett biex ikollu vuċi – din il-vuċi li qatt ma smajna bħalma pereżempju smajna ta’ esponenti oħrajn fosthom Evarist Bartolo u Louis Grech.
● Inweġġa’ meta Leo Brincat jafferma li qatt ma kien kontra sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewoprea meta hu kien wieħed mill-eqreb ta’ Alfred Sant.
Dawn huma minn fost l-aktar dikjarazzjonijiet li minħabba fihom, pajjiżna qiegħed kulma jmur jitlef il-fiduċja fil-politika u l-politiċi, għax li l-eks-Ministru għandu l-ħila jigdeb b’serenità quddiem l-Ewropa, tikkonferma li Leo Brincat hu politiku tal-konvenjenza, politiku tal-ħabba gozz bħal ħafna oħrajn li quddiem l-allegazzjonijiet serjissimi ta’ korruzzjoni baqgħu siekta.
It-tifsira ta’ ismu, skont l-oriġini Latina tixhed element ta’ kuraġġ. Verament, Brincat kien kuraġġjuż ibaxxi rasu quddiem il-Parlament Malti biex juri difrejh quddiem l-Ewropa! Tassew iljun kollu kuraġġ tal-ipokresija!

Nibnu l-Fiduċja:
Għalhekk, inqis dan il-ġest min-naħa tal-Gvern u n-nominat f’ismu bħala mbuttatura oħra ’l isfel. Il-poplu Malti, issa jista’ jikkonferma kemm verament il-Gvern Laburista hu mmexxi biss minn Joseph Muscat u l-ftit ta’ madwaru u mhu minnu xejn li fi ħdanu jilqa’ l-idea ta’ moviment. Possibbilment moviment tal-oppressjoni minn fuq, tal-kontroll, tal-manipulazzjoni.
Hawnhekk allura l-Partit Nazzjonalista quddiemu jkompli jsib id-diffikultà li biha hu afdat, dik li jerġa’ jibda jibni l-fiduċja fil-politika u l-politiċi. Pajjiżna verament jixraqlu l-kredibbiltà u l-integrità – termini li Leo Brincat għadu lanqas biss fehem is-sinifikat tagħhom – u għaldaqstant jeħtieġlu reazzjoni politika serja.
Il-politika serja titlob li jkollna Gvern li verament iqis id-demokrazija bħala l-bażi tiegħu.
Il-politika serja titlob li jkollna Gvern li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u jagħtihom l-awtonomija.
Il-politika serja titlob li jkollna Gvern li jemmen fil-ġustizzja u jaf jieħu passi kontra l-korruzzjoni.
Il-politika serja titlob li jkollna Gvern immexxi minn amministrazzjoni li għandha quddiemha l-ideal li f’pajjiżna nirnexxu lkoll flimkien.