Lokali

Esebizzjoni dwar Picasso

Il-Kumpanija Mapfre Middlesea ħabret li l-Fondazzjoni Mapfre se ġġib f’Malta esebizzjoni ta’ Picasso.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u uffiċjali ta’ Mapfre fil-Palazz ta’ San Anton.

L-esebizzjoni se ssir fl-2018 meta Malta tkun qed tospita l-Belt Kulturali Ewropea. Din se tkun l-ewwel darba li f’Malta se ssir esebizzjoni ta’ Picasso. L-esebizzjoni se ssir bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rrikonoxxiet u rringrazzjat lil Mapfre għall-appoġġ li jagħtu lill-Community Chest Fund u sostniet li din l-esebizzjoni għandha tkompli ssaħħaħ din ir-relazzjoni u tifrixha wkoll għall-aspett kulturali.

Pablo Jimenez, id-Diretetur Maniġerjali tal-Fondazzjoni Mapfre qal li l-Fondazzjoni temmen li l-kultura għandha kontribut kbir x’tagħti fil-ħajja tan-nies u biex din tkun imtejba. Picasso kien wieħed mill-aqwa artisti tas-seklu 20 u għandu reputazzjoni internazzjonali.

L-esebizzjoni se tinkludi 100 stampa mill-kollezzjoni kif ukoll erba’ pitturi. F’Malta se tinġieb ukoll il-Vollard Suite, li hi propjetà tal-Fondazzjoni Mapfre.

Din se tkun opportunità unika għall-poplu Malti biex jara dawn ix-xogħlijiet u tikber il-kuxjenza dwar l-arti  ta’ Picasso.

war