Internazzjonali

Ftit ċans li Hollande jkun konfermat President

epa05424324 French President Francois Hollande closes his eyes after a televised interview following the Bastille Day Parade at Elysee Palace in Paris, France, 14 July 2016. EPA/FRANCOIS MORI / POOL MAXPPP OUT

Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, Francois Hollande m’għandux ċans ikun konfermat fil-kariga fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla.
Hollande diġà tniżżel fl-istorja bħala l-President l-anqas maħbub fi Franza u issa skont stħarriġ tal-ġurnal Le Figaro u l-istazzjon LCI, Hollande lanqas mhu se jirnexxielu jgħaddi għat-tieni fażi tal-elezzjoni presidenzjali. Fażi li ssir jekk ħadd ma jikseb aktar minn 50 fil-mija tal-voti fl-ewwel vot.
Kien stmat li l-mexxej Soċjalista kien se jikseb bejn 11 u 15 fil-mija tal-voti meta mqabbla mad-disa’ kandidati li jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni.
L-istħarriġ wera li aktarx it-tieni fażi tkun bejn il-kandidat tal-Partit Repubblikan, li jista’ jkun jew l-eks-Presdient Nicolas Sarkozy inkella l-eks-Prim Ministru Alain Juppé, u Marine Le Pen, il-kap tal-partit estremista Front Nazzjonali.
Min-naħa l-oħra s’issa Hollande ma qalx jekk hux se jikkontesta l-elezzjoni jew le.
L-ewwel fażi tal-voti se ssir fit-23 ta’ April u t-tieni u l-aħħar fażi fis-7 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.