Eks-Ministru Spanjol, li kien irriżenja mir-rwol ministerjali wara li ismu tfaċċa fil-Panama Papers, irtira applikazzjoni għal kariga għolja fil-Bank Dinji.
Jose Manuel Soria kien irriżenja minn Ministru tal-Industrija fi Spanja wara li sar magħruf li għandu rabtiet ma’ kumpanija li dehret fid-dokumenti tal-Panama Papers. Dawn huma l-istess dokumenti li kixfu l-mod kif il-Ministru Malti Konrad Mizzi fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.
L-eks-Ministru Spanjol kien imġiegħel mill-Gvern Spanjol biex jirtira ismu, peress li r-rabta mal-Panama Papers kienet qed tintuża politikament. Soria kien fi proċess ta’ applikazzjoni biex jirrappreżenta lil Spanja fil-Bank Dinji.
Intant, il-kumpanija Mossack Fonseca, il-kumpanija fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers, qed tkompli tiffaċċja numru ta’ investigazzjonijiet u battalji legali. Filfatt, id-dokumenti żvelati fil-Panama Papers wasslu biex kumpanija li tmexxi hedge fund qed tisfida lil Mossack Fonseca f’qorti f’Nevada wara allegat tfixkil tal-ġustizzja.
//= $special ?>