Xjenza u Teknoloġija

Jitnieda l-aktar iPhone avvanzat sa issa; ‘water resistant’ u b’kamera u ħoss aqwa

Wara bosta xhur ta’ stennija l-kumpanija Apple żvelat l-iPhone 7, mobile water resistant, b’faċilità ta’ wireless headphones kif ukoll b’kamera aqwa minn qatt qabel.

It-tnedija saret mill-Kap Eżekuttiv ta’ Apple Tim Cook, li ddeskriva l-iPhone il-ġdid bħala l-aktar iPhone avvanzat sa issa. Aċċidentalment, Apple ippubblikat ‘tweet’ dwar l-iPhone il-ġdid qabel ma huwa ġie żvelat b’mod uffiċjali.

L-iPhone 7 u l-iPhone 7 plus se jkunu qed iżanżnu kameras b’karatteristiċi aqwa, filwaqt li l-iPhone 7 Plus se jkun jinkludi żewġ lentijiet għal ritratti ta’ kwalità ogħla. Tħabbar ukoll tibdil fil-mod ta’ kif il-‘headphones’ jitqabbdu mal-iPhone, peress li issa se jkollhom konnessjoni ‘lightning’ hekk kif il-‘jack’ tradizzjonali se jkun eliminat darba għal dejjem. Il-Viċi President ta’ Appel Philip Schiller iddeskriva dan il-pass bħala “kuraġġuż”.

Tħabbar ukoll li l-ispazju massimu f’kull iPhone se jkun qed jirdoppja, bil-prezzijiet jibdew minn $649 għal iPhone bi spazju ta’ 32GB. L-iPhone bi spazju ta’ 128GB se jkollu prezz ta’ $749, filwaqt li l-iPhone bi spazju ta’ 256GB se jkollu prezz ta’ $849. Il-‘wireless headphones’ li tħabbru mill-Apple se jkollhom prezz ta’ $159.

 

Il-kumpanija ħabret ukoll l-Apple Watch 2 li se jkun waterproof, mibni b’sistema ta; GPS, u li se jkun qed jiswa’ $369.