Lokali

Kastilja tgħid li n-nomina ta’ Leo Brincat ma kinitx tentattiv biex ma jirriżenjax fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama

Skont kelliem tal-Uffiċju tal-Prim Ministru, in-nominazzjoni ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri ma kinitx tentattiv biex ma jirriżenjax fi protesta għall-iskandlu tal-Panama.

Dan kien rappurtat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal Times of Malta li staqsa lill-kelliem f’Kastilja dwar jekk Leo Brincat kienx iddiskuta, mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-possibbiltà li jirriżenja.

Nhar it-Tnejn li għadda, quddiem kumitat tal-Parlament Ewropew, Leo Brincat ammetta li kien imġiegħel jivvota favur Konrad Mizzi fil-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Malti. Waqt is-smigħ għall-kariga ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-eks Ministru Laburista stqarr li fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama kien qed jikkunsidra jirriżenja, peress li Konrad Mizzi ma tkeċċiex u inżamm Ministru minkejja li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jitfa’ s-senserija.

Iżda l-ġurnal The Times qed jikkwota kelliem għal Joseph Muscat li stqarr li Leo Brincat qatt ma ddiskuta l-kwistjoni ta’ riżenja ma’ Muscat. L-istess kelliem żied li l-ebda deputat ma qal li kien qed jikkunsidra jirriżenja fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama.

Quddiem l-MEPs, Leo Brincat qal ċar u tond li kieku ssemma hu fil-Panama Papers kien jirriżenja jew jissospendi ruħu mill-Kabinett sakemm inaddaf ismu, xi ħaġa li Konrad Mizzi ma għamilx, għax sal-lum, għadu Ministru.