Internazzjonali

Lejn passi kriminali fl-Awstralja kontra dawk involuti fil-Panama Papers

Il-Kummissarju tat-Taxxa fl-Awstralja wissa li fil-ġranet li ġejjin jista’ jibda jieħu passi kriminali kontra dawk implikati fl-iskandlu tal-Panama Papers.
Hemm madwar 100 entità li jinvolvu mijiet ta’ persuni fosthom nies sinjuri kif ukoll avukati u accountants li huma taħt investigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxa Awstraljan wara li isimhom feġġ fil-Panama Papers.
L-Uffiċċju tat-Taxxa Awstraljan kien identifika aktar minn 800 persuna fl-Awstralja li isimhom feġġ fil-Panama Papers u li ħafna minnhom kellhom strutturi finanzjarji strambi f’Hong Kong.
Uffiċjali Awstraljani qalu li l-informazzjoni li ħarġet mill-Panama Papers sabet li kien hemm evażjoni ta’ taxxa sinifikanti u xi wħud minnhom saru b’mod kumpless ħafna biex jippruvaw ma jinqabdux. Dan jinkludi diversi entitajiet offshore, shareholders foloz u passi biex jaħbu s-sidien proprja ta’ dawn il-kontijiet u fondi.
Chris Jordan, il-Kummissarju tat-Taxxi fl-Awstralja, qal wieħed irid iżomm f’moħħu li l-impatt ta’ dawk li jinstab hu kbir għaliex persuna mhux biss trid tħallas it-taxxi dovuti u l-multi imma jista’ jwassal għal passi kriminali li bħala konsegwenza ta’ ħtija jwassal biex dan qatt ma jkun jista’ jkun direttur ta’ kumpanija, restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar u diffikultajiet biex jikseb finanzjament jew assigurazzjoni.