Futbol Sport

LIVE mill-Kunsill tal-MFA: Norman Darmanin Demajo jitkellem dwar diversi pjanijiet li għandha l-MFA

Ritratt mil-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena l-oħra tal-MFA

Wara li tlesta l-proġett tal-pitch, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo tkellem dwar il-proġetti li jmiss tal-MFA fejn qal li hemm ħsieb li jsir dak li sejjaħlu Hospitality Lounge f’Level 2 fil-Millenium Stand flimkien ma’ mużew tal-MFA li fih ikun hemm il-memorabilia tal-assoċjazzjoni. Minbarra fit-tieni livell, Darmanin Demajo qal ukoll bil-ħsieb li jkun hemm Business Offices u Business Centre fit-tielet livell tal-Millenium Stand.

Darmanin Demajo semma wkoll dak li qed isejjaħ “New Premier League” fejn fosthom tinħoloq tazza ġdid li t-tim rebbieħ ikun jista’ jżommha. Il-President semma wkoll li jista’ jkun hemm pakkett wieħed li fih jinkludi id-drittijiet tat-televiżjoni, streaming fuq l-internet, is-sistema tal-biljetti kif ukoll il-hospitality lounge. Hu kompla li bi ftehim wieħed jemmen li l-klabbs kollha tal-Premier imorru ‘l quddiem. Hu qal li bil-Kampjonat Premier b’14-il tim, ikunu garantiti ċertu ammont ta’ flus lill-klabbs kollha. Darmanin Demajo stieden lill-klabbs tal-Premier jekk iridux jitkellmu mal-MFA fuq din il-proposta, filwaqt li tenna li m’għandux problema jekk ma jridux jitkellmu mal-assoċjazzjoni, fejn tenna li jkun qed jonqoslu x-xogħol għaliex ħafna mill-ħidma tiegħu tkun iffukata fuq il-Premier.

Darmanin Demajo kompla l-indirizz tiegħu bi pjan ieħor li jsiru laqgħat ma’ dik li ddeskriviha bħala l-‘football family’ fejn f’dawn il-laqgħat ma jkunx hemm aġenda. Hu qal li s’issa hemm pjanati laqgħat mal-YFA, il-GFA, il-member associations u l-media.

Il-President tal-MFA indirizza lil dawk il-council members f’isem il-Kampjonat Premier li kienu għadhom preżenti fil-kamra li għadu ma sema’ l-ebda risposta mill-Premier League Standing Committee dwar il-proposta tal-MFA li jkun hemm uffiċju dedikat għall-klabbs tal-Premier li fiha jħaffef xi proċessi f’dak li għandu x’jaqsam mal-Kampjonat Premier.