Hu fatt magħruf li saret ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna permezz tal-iskandli ta’ Joseph Muscat. Dan kompla joħroġ biċ-ċar hekk kif nhar it-Tnejn li għadda, l-eks-Ministru Laburista, Leo Brincat, kien iffaċċjat b’mistoqsija wara l-oħra dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi waqt is-smigħ tiegħu għall-kariga ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Għal kontra ta’ dak li jipprova jgħid il-Gvern, hu l-Partit Laburista ta’ Muscat li qed jagħmel il-ħsara lil pajjiżna barra minn Malta u din il-ħsara qed tkompli tikber u tiżdied b’numru ta’ stejjer oħra li qed ikomplu joħorġu ma’ kull jum li jgħaddi ta’ Gvern Laburista.
Bħala Membri Parlamentari Nazzjonalisti fi ħdan il-Parlament Ewropew ma nistgħux ma nilqgħux l-ammissjoni ta’ Brincat li Konrad Mizzi għandu jirriżenja u li l-unika raġuni għall-vot tiegħu kontra l-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Mizzi kienet minħabba pressjoni li għamel Joseph Muscat. Fl-istess waqt għalkemm ma naqblux mar-rikollizzjoni tiegħu u tal-pożizzjoni li kien ħa qabel ir-referendum tal-UE, bħala MEPs Nazzjonalisti nilqgħu dak li Brincat stqarr li hu kien dejjem Ewropew fil-qalb.
Għandna nirriflettu
Bħala Maltin għanda dejjem nieħdu gost meta Malti ieħor jgħaddi minn test bħal dak ta’ Brincat, madankollu jeħtieġ nieqfu u nirriflettu sew. Il-prestazzjoni ta’ Brincat kienet tajba iżda sforz il-ħsara li saret u li sfortunatament qed tibqa’ ssir lil pajjiżna minn Muscat u l-klikka tiegħu f’Kastilja, issa ġejna f’sitwazzjoni li anke meta xi ħadd bħal Brincat ikollu prestazzjoni tajba fi grilling daqstant diffiċli, hu kien approvat b’distakk minimu ta’ żewġ voti biss u dan meta għad irid jiffaċċja vot ieħor fil-plenarja sħiħa tal-Parlament Ewropew.
Dan hu dak li ġabna fih Muscat u din hi l-ħsara li l-klikka ta’ Muscat f’Kastilja qed tagħmel lil pajjiżna sforz il-kilba li huma għandhom għall-poter.
Ir-realtà politika ta’ pajjiżna qed turi li r-reputazzjoni pożittiva li l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti mmexxija minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi rrnexxilhom jiksbu matul is-snin, b’numru ta’ deċiżjonijiet importanti li saħħew post Malta fl-Ewropa u fir-relazzjoni ma’ numru ta’ pajjiżi oħra lil mhumiex fl-Unjoni Ewropea, qed tkun mittiefsa b’kaġun li ħafna huma dawk li m’għadhomx iħarsu lejn Malta bl-istess mod li kienu jagħmel qabel.
Dan kollu hu sforz tad-deċiżjonijiet żbaljati ta’ Muscat u l-klann tiegħu. Sal-lum Muscat baqa’ jiddefendi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, b’dan tal-aħħar jibqa’ Ministru minkejja li saret pressjoni kbira, inkluż mil-Laburisti stess fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-Gvern, biex jispiċċa, ma jibqax jew jitneħħa minn Ministru.
Qasma politika
Jekk xejn, dak li qal nhar it-Tnejn li għadda Leo Brincat għandu jiftaħ għajnejn dawk li sal-lum kienu għadhom mhux qed jemmnu li Muscat qed jiżbalja fil-kwistjoni ta’ Panama Papers. Brincat kixef ħafna mis-sitwazzjoni interna fi ħdan il-Partit Laburista u li sal-lum Muscat qed jibqa’ jżomm mistur.
Hu fatt li kien hemm u għad hemm qasma politika fi ħdan il-partit li qed imexxi lil pajjiżna iżda flok Muscat jagħmel dak li l-maġġoranza tridu jagħmel, hu qed ikompli jiddefendi l-indefensibbli u dan qed iwassal biex jum wara l-ieħor il-ħsara qed tkompli tikber.
Illum nafu li Muscat hu problema u problema kbira. Il-kredibbiltà ta’ Muscat ma saret tiswa xejn speċjalment meta issa nqabad jigdeb anke fuq l-iskandlu tal-visas mediċi. Dan hu skandlu gravi ieħor li kixef rabta ċara bejn Kastilja u l-kriminalità.
Quddiem dan kollu l-kredibbiltà u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed tkun ikkundizzjonata u dan mhuwiex il-mod ta’ kif Prim Ministru serju jmexxi pajjiż. Kemm-il darba Muscat hu responsabbli, kien jindirizza l-problemi b’mod ieħor u jieħu azzjoni kontra min qed jabbuża.
Iżda Muscat qed jagħżel li ma jiddeċidix u għalhekk bir-raġun il-poplu qed jistaqsi għalfejn. Dan iwassalna għall-konklużjoni li l-kelma ta’ Muscat ma saret tiswa xejn!