Raġel ta’ 41 sena minn Ħal Għaxaq qed jissielet għal ħajtu wara li nħaraq barra mill-kamra tan-nar ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq
Il-vittma tal-inċident huwa Brian Xuereb. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11 ta’ filgħodu viċin il-kamra tan-nar ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq.
Minkejja li l-ewwel rapporti qalu li kienet splużjoni, jidher li r-raġel kien qiegħed jaħraq xi materjal biex inaddaf wara l-festa ta’ Santa Marija ta’ ġimgħatejn ilu. Jirriżulta li l-materjal kien relatat mal-ħruq tan-nar iżda l-inċident seħħ metri l-bogħod mill-kamra tan-nar fil-wied.
Mal-ewwel fuq il-post marret ambulanza fejn ħadet lir-raġel ferut lejn l-isptar Mater Dei għall-kura. Skont stqarrija tal-Pulizija, ir-raġel ġie ċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Fuq il-profil ta’ Facebook a’ Brian Xuereb, deħlin diversi messaġġi ta’ kuraġġ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.