Inqas minn sena minn meta tlestiet u kienet inawgurata, parti mill-Coast Road kellha terġa’ tinqala’.
Dan wara li nfaqa’ main tad-drenaġġ li jgħaddi minn taħt it-triq.
Stqarrija mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali wissiet li minħabba din il-ħsara, kien hemm żbroff ta’ drenaġġ f’Baħar iċ-Ċagħaq fil-bajja ta’ wara l-kumpless Splash & Fun u konsegwenza ta’ dan, din iz-zona m’għadhiex tajba għall-għawm.
Iżda issa jidher li l-ħsara mhux limitata għall-baħar tal-inħawi.
Fi stqarrija separata, Transport Malta qalet li minħabba li nfaqa’ dan il-main pipe ta’ pressjoni għolja, drenaġġ bi pressjoni għolja qed jagħmel ħsara lit-triq.
Minħabba f’hekk dalgħodu bdew xogħolijiet ta’ emerġenza fit-telgħa mill-kumpless Splash & Fun sar-roundabout fejn il-kumpless White Rocks.
Il-Coast Road kienet inawgurata f’Novembru li għadda bi Transport Malta saħansitra tipproduċi filmat tistaqsi jekk din hix l-isbaħ triq f’Malta.
Dan wara li l-proġett waqa lura diversi xhur tant li ntilfu madwar €11-il miljun f’fondi Ewropej.
Ħafna jaqblu li hi fost l-isbaħ jekk mhux l-isbaħ triq f’Malta iżda s-sewwieqa diġa qed jesprimu d-diżappunt tagħhom li lanqas laħqu gawdew din it-triq għal sena qabel kellha terġa’ tinqala’.
Dan għaliex minkejja li qed jingħad minn Transport Malta fl-istqarrija, ħafna huma xettiċi li l-wiċċ tat-triq se jerġa jirritorna fl-istat ġdid fjamant.
//= $special ?>