Il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda huma lesti biex jużaw kull mezz biex jikkonkludu l-battalja attwali għall-belt ta’ Sirte li ilha x-xhur ikkontrollata mill-ISIS. Dan meta fil-preżent għad fadal xi gruppi żgħar tat-terroristi tal-ISIS li qegħdin jiddefendu l-aħħar kwartieri ġo din il-belt Libjana lejn ix-xlokk ta’ Tripli.
Il-ġellieda tal-ISIS f’Sirte jinsabu b’darhom mal-ħajt wara li l-qawwiet Libjani avvanzaw ‘il ġewwa fl-aħħar zoni li għadhom okkupati mit-terroristi u fejn, fl-aħħar sigħat, ħatfu l-bini tar-reġistru pubbliku li kienu qed jużaw is-snipers tal-ISIS. Il-qawwiet anti-ISIS ħatfu wkoll kontroll ta’ maħżen mimli b’munizzjon, splussivi u tagħmir militari ieħor.
Aktar kmieni llum splodew żewġ karozzi bomba qrib il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u bażi navali, fil-kapitali Libjana Tripli. L-isplużjonijiet ma ħallewx vittmi, fost rapporti li l-bażi inkwistjoni qed tintuża mill-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti. Ħadd ma assuma responsabbiltà għaż-żewġ splużjonijiet.
//= $special ?>