Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, illum għamel diskors imqanqal fejn iddefenda l-ġlieda ta’ pajjiżu kontra t-terroriżmu. Hu fost oħrajn insista li Franza se jirnexxilha tegħleb lill-għedewwa għaliex id-demokrazija tirbaħ dejjem.
Hollande sostna li l-battalji kontra t-terroristi tal-ISIS huma diffiċli u jieħdu fit-tul, iżda fl-aħħarnett, l-elementi qattiela jridu jinstabu u jinqerdu bħala theddida. Waqt id-diskors, il-President Franċiż enfasizza l-ħtieġa li l-Franċiżi kollha, fosthom il-Musulmani, jikkonfrontaw u jikkontrollaw l-element radikali tal-Iżlam qalb is-soċjetà.
Il-President Franċiż għamel dan id-diskors fid-dawl tal-aħħar attakki terroristiċi fl-ibliet ta’ Rouen u Nizza u wara li din il-ġimgħa feġġet biża’ dwar attakk terroristiku potenzjali fil-qalba ta’ Pariġi. Il-Pulizija Franċiża, din il-ġimgħa, arrestat lil żewġ koppji wara s-sejba, nhar il-Ħadd, ta’ karozza Peugeot ippakkjata biċ-ċilindri tal-gass qrib il-Katidral ta’ Notre Dame. Filwaqt li kienu nstabu xi noti miktubin bl-Għarbi fil-karozza, il-pulizija sostniet li ma kien hemm l-ebda detonatur fuq ġewwa li setgħet tintuża biex ittajjar dawn iċ-ċilindri.
//= $special ?>