Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk kompla jżid il-pressjoni fuq ir-Renju Unit biex jieħu l-pass importanti fil-proċedura lejn is-separazzjoni mill-Unjoni Ewropea, wara l-Britanniċi, f’Ġunju, ivvutaw għall-Brexit waqt ir-referendum storiku.
Tusk, illum, qal ċar u tond li r-Renju Unit għandu jibda t-taħditiet biex iħalli l-Unjoni Ewropea mingħajr l-ebda telf ta’ żmien. Il-President tal-Kunsill Ewropew iltaqa’ f’Londra mal-Prim Ministru Britanniku Teresa May għall-ewwel laqgħa wiċċ-imb-wiċċ mindu r-Renju Unit ivvota biex ma jkomplix jifforma parti mill-Unjoni Ewropa. Il-vot ta’ Ġunju kien wassal għar-riżenja tal-eks Prim Ministru Britanniku David Cameron u issa, Tusk u May qegħdin jevalwaw il-passi li jistgħu jittieħdu fix-xhur li ġejjin.
Theresa May qalet li r-Renju Unit, din is-sena, m’għandux jattiva Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona tal-Unjoni Ewropea biex tidħol fis-seħħ il-proċedura għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. L-iskop ta’ dan hu biex il-Gvern Britanniku jkollu żmien ideali għan-negozjati li jridu jsiru waqt it-taħditiet ikkumplikati fil-ġejjieni li se jkollhom impatt kbir fuq il-futur tar-Renju Unit.
//= $special ?>