Kultura Lokali

Illum jitfakkar Jum il-Vittorja – tradizzjonijiet, rispett u storja

Il-poplu Malti u Għawdxi illum jiċċelebra Jum il-Vittorja – jum li jfakkar il-qlubija ta’ missirijietna li qamu għall-okkażjoni kull meta pajjiżna kien jinsab taħt attakk. Dan il-jum jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja, mhux biss ta’ pajjiżna imma wkoll fl-istorja tal-Mediterran.

Quddiem il-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta, sar it-tqegħid tal-kuruni mal-monument tal-Assedju l-Kbir – li bħal kull sena tiġi mfakkra l-qlubija tal-poplu Malti. Fl-10 ta’ filgħodu kienet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, assistita miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali, li preżentat il-kuruna fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir. Waqt dan it-tqegħid tal-kuruna, ħadu sehem ukoll is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Wara, għal ħabta tal-10.45, sar it-tqegħid ta’ kuruni mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju fil-Forti Sant’ Anġlu. Eżattament wara fil-Birgu ukoll tqegħdu l-kuruni mal-monument tal-Vitorja.

L-istess tqegħid ta’ kuruni sar b’rispett quddiem l-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla, u wara anke fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn ġew mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Drawwa oħra li daħlet fil-kalendarju Malti f’din il-ġurnata tal-Vittorja hi r-Regatta li tiġi organizzata fil-Port il-Kbir. Il-programm tar-regatta jdum madwar ħames siegħat fejn il-kompetituri jkunu l-bliet tad-dawra tal-Port il-kbir li jieħdu sehem f’10 tlielaq f’żewġ kategoriji differenti. Fl-aħħar jingħataw il-palji tradizzjonali lill-dawk li jkunu rebħu.

Minkejja li fid-daqs Malta hi waħda mill-iċken stati fid-dinja, il-poplu tagħha hu magħruf għall-kuraġġ ta’ sur li wera tul il-kors tal-istorja partikolarment għall-żewġ episodji. L-ewwel ġrajja hi dik li seħħet fl-1565 u hu wieħed mill-aktar assedji imdemmija fl-istorja tal-Ewropa – fejn l-Ottomani raw fil-mira tagħhom li jinvadu lil Malta biex minn hemm iħejju attakk fuq l-bqija tal-Ewropa. It-tieni ġrajja mfakkra hi dik tal-qlubija li poplu Malti wera waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn l-poplu Malti sofra l-bombi u l-ġuħ, iżda xorta waħda żamm sod – b’rikonoxximent anke mill-barrani ta’ dan il-ġest patrijottesk. Kien propju fl-1943 li t-Taljani kienu ċedew u b’hekk waqfu l-bombardamenti fuq pajjiżna.

Hu propju b’rispett lejn missirijietna, li ċarċru demmhom biex ipproteġew lil pajjiżna, li ta’ kull sena fi Pjazza l-Assedju l-Kbir u diversi monumenti oħra madwar Malta, jitpoġġew il-kuruni tal-fjuri mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fit-8 ta’ Settembru.