Il-General Workers Union se tkun qed tieħu ħsieb skema għall-persuni li qed ifittxu x-xogħol wara li ngħatat kuntratt mill-Gvern li bih il-GWU se tkun qed iddaħħal mijiet ta’ eluf ta’ ewro fis-sena.
Permezz ta’ din l-iskema, madwar 600 persuna li ilhom ifittxu x-xogħol, se jkunu impjegati mill-fondazzjoni.
Dan kien żvelat fil-ħarġa tal-ġimgħa l-oħra tal-gazzetta Il-Mument, li qalet li permezz ta’ dan il-ftehim diġà inizjalat, il-kumpanija sussidjarja tal-General Workers’ Union fuq numru ta’ snin se tkun qed tagħmel profitti ta’ miljuni ta’ ewro.
Il-Mument kien irrapporta li grazzi għal dan il-ftehim, iċ-ċifra tal-qgħad minn kif inhi fil-preżent, se titnaqqas b’mod drastiku ħafna – b’madwar għaxra fil-mija – bl-iskop li hekk tingħata l-impressjoni li fil-pajjiż ma hawnx problema ta’ xogħol.
Barra minhekk, il-Gvern se jkun qiegħed ukoll jakkomoda lil għadd kbir ta’ nies li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet wiegħedhom li kemm-il darba jkun fil-Gvern, allura kien se jipprovdilhom xi tip ta’ xogħol.
Mira oħra li se tintlaħaq permezz ta’ dan il-ftehim hu li l-Gvern se jwassal biex il-General Workers’ Union jkollha aktar dħul finanzjarju kbir li jlaħħaq miljuni ta’ ewro fuq firxa ta’ snin.
Illum, il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li din il-kumpanija sussidjarja se tieħu l-forma ta’ fondazzjoni. Oriġinarjament, il-ħaddiema f’din il-fondazzjoni kienu se jkunu fuq il-kotba tal-Gvern, iżda issa din ġiet privatizzata.
Filwaqt li se tkun qed tħallas lil dawn il-ħaddiema l-paga minima il-GWU se titħallas mijiet ta’ eluf ta’ ewro fis-sena bħala miżata biex timmaniġġja din il-fondazzjoni.
Kelliem għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ikkonferma li l-GWU qed tamministra din l-iskema għan-nom ta’ Jobs Plus (dik li sa ftit ilu kienet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ) wara li saret sejħa pubblika. Minbarra l-GWU, kien hemm żewġ offerti oħra.
Kemm il-kelliem tal-Ministeru kif ukoll il-GWU, irrifjutaw milli jagħtu dettalji dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratt u kif ukoll kemm se tkun qed titħallas il-GWU.
Dan mhux l-uniku kuntratt li l-GWU għandha ma’ entitajiet pubbliċi li bihom marret tajjeb ħafna finanzjarjament. Fil-fatt il-GWU għandha dħul konsiderevoli minn kirjiet ta’ bini tagħha lil entitajiet pubbliċi, bħall-Workers Memorial Building fil-Belt Valletta li parti minnhom ġie mikri lill-ARMS u l-A3 Tower f’Raħal Ġdid li parti minnu qed jinkera lil Transport Malta.
//= $special ?>