Lokali

L-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi mitluba tinvestiga r-rave parties fil-Buskett

Ritratt : Daryl Cauchi

BirdLife Malta u l-Kaċċaturi San Ubertu f’żewġ stqarrijiet separati kkundannaw ir-rave parties b’mużika għolja li qed jitħallew isiru b’mod regolari fil-Buskett, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena waqt il-passa tat-tajr tal-priża .

Dan wara li l-Erbgħa filgħaxija, fil-Buskett, sit Natura 2000, kien qed isir rave party, li l-għaqdiet fissruh bħala kompletament inaċċettabbli.

Fi stqarrija, BirdLife Malta u l-għaqda tal-kaċċaturi kkundannaw ir-rave parties b’mużika għolja li qed jitħallew isiru fil-Buskett, speċjalment f’dan iż-żmien sensittiv tas-sena waqt il-passa tat-tajr tal-priża.

Birdlife Malta fissret li aktar kmieni fl-istess ġurnata, ’il fuq minn sittin Astun Iswed kienu osservati jfittxu kenn fl-inħawi biex isibu post fejn iqattgħu il-lejl. Dawn spiċċaw disturbati meta bdiet tindaqq mużika għolja bi tħejjija għal party kbir li kien qed jiġi organizzat fiż-żona.

Dak li seħħ, sostniet il-BirdLife Malta, ma jistax jirrepeti ruħu hekk kif fakkret lill-awtoritajiet fl-obbligi li għandhom li jimmaniġġjaw siti Natura 2000 kif inhu mistenni.

L-għaqdiet fakkru li l-Buskett jifforma parti min-netwerk ta’ siti protetti Natura 2000 u qed isir investiment bil-għan li tibqa’ tikber u titkattar aktar il-biodiversità f’dan il-post.

Fissru wkoll li avvenimenti bħal dawn imorru għalkollox kontra l-ispirtu ta’ riserva naturali, speċjalment sit Natura 2000.

BirdLife Malta u l-ghaqda San Ubertu (KSU) appellaw lill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tinvestiga mill-ewwel dak li ġara fil-Buskett u tittama li tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr għal din il-kwistjoni.

MaltaNatureTours_BuskettDingli_pic01