Internazzjonali

L-Istati Uniti: ‘Manuvra perikoluża’ fl-ajru setgħet irrankat it-tensjoni mar-Russja

Il-Pentagon f’Washington qal li ajruplan militari (fighter) tar-Russja wasal sa tlett metri qrib ta’ ajruplan Amerikan li kien għaddej b’missjoni ta’ sorveljanza fuq il-Baħar l-Iswed. Intant, l-uffiċjali Amerikani fissru l-aġir tal-bdot tal-ajruplan SU-27 Russu bħala ‘perikoluż u mhux professjonali’.

Kelliema għall-Pentagon spjegaw li l-ajruplan Amerikan tat-tip P-8A Poseidon kien għaddej fl-ispazju internazzjonali ‘skont ir-rutina’, fil-ħin meta l-fighter Russu wettaq l-azzjoni perikoluża ‘li ma kenitx neċessarja u li setgħet eskalat it-tensjoni’.

Iżda l-Ministeru tad-Difiża Russu wieġeb li l-ajruplan tal-Istati Uniti kien qed javviċina territorju tat-Russja u li l-bdot tal-SU-27 ‘ żamm mar-regoli internazzjonali’.

Ir-Russja, fil-preżent, qed twettaq l-eżerċizzji militari fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed.