Neptunes Grimaldi ġew inkurunati bħala ċ-Champions il-ġodda tal-Waterpolo wara li l-bieraħ fl-aħħar partita għelbu lill-eqreb sfidanti San Ġiljan Salini Resort. Dan kien l-24 suċċess ta’ Neptunes fl-istorja tagħhom u rritornaw lura għas-suċċess wara li s-sena l-oħra kienu San Ġiljan li rebħu l-unur u waqqfu sensiela ta’ ħames kampjonati konsekuttivi ta’ Neptunes.
Staġun inkredibbli għal Neptunes hekk kif kienu tim aktar b’saħħithom minkejja li mill-istaġun li għadda tilfu lil Michele Stellini li rtira, Clint Mercieca li mar ma’ San Ġiljan u naqas barrani fl-ilma wara l-bidla fir-regola. Tliet plejers regolari u importanti li ċekknu l-iskwadra.
Iżda l-għażla tat-tmexxija teknika kienet perfetta bil-kowċis Zoran Maslovar u Igor Martinovic jagħmlu kombinazzjoni perfetta biex reġgħu bnew tim b’saħħtu minkejja skwadra limitata. Maslovar lagħab il-maġġoranza tal-logħbiet bi tmien plejers, fosthom Jeremy Abela u Miguel Zammit, żewġ żgħażagħ li kienu ta’ kontribut siewi.
Min-naħa l-oħra San Ġiljan xorta kellhom staġun pożittiv hekk kif rebħu l-Kampjonat tax-Xitwa, it-Tazza tal-President u n-knock-out, iżda n-nuqqas ta’ konsistenza fil-kampjonat kienet ir-raġuni prinċipali li ma rebħux il-kampjonat, għal fatt li minkejja li rebħu ħafna mill-partita, ma kinux konvinċenti biżżejjed.
Għal din il-partita, il-Ġiljaniżi kellhom lil Aurelien Cousin li reġa’ kien nieqes, flimkien ma’ Paul Fava.
Kienu San Ġiljan li marru minn fuq minn Boris Vapenski, iżda Neptunes wieġbu mill-ewwel, ħadu r-riedni tal-partita u fetħu vantaġġ ta’ ħames gowls fl-ewwel sessjoni, b’Jordan Camilleri jiskurja poker.
Vapenski reġa’ niżżel ismu fost l-iskorers fit-tieni sessjoni b’doppjetta, iżda l-veterani ta’ Neptunes Niki Lanzon u Stevie Camilleri żammew id-distakk ta’ ħames gowls.
Wara l-mistrieħ, it-tim ta’ Maslovar kompla fil-kmand tal-partita u komplew ikabbru d-distakk, biex l-aħħar sessjoni kienet biss stennija għat-tmiem tal-partita u l-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet meritati.
Fi tmiem il-partita, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Paul Gauci u l-viċi President tal-ASA Karl Galea ppreżentaw it-tazza lill-captain ta’ Neptunes Niki Lanzon.
//= $special ?>