Raġel li sentejn ilu sofra diżabilita’ permanenti f’inċident tat-traffiku fittex lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi għad-danni.
Stqarret dan il-gazzetta Times of Malta fejn rrapurtat li fl-inċident tat-traffiku, l-Ministru Owen Bonnici kien qed isuq il-karozza Hyundai i20 tiegħu meta seħħ impatt mal-karozza ta’ Alies Abdulhadi minn Marsaskala – fejn dan tal-aħħar stqarr li sofra ġrieħi tant li ħallewh b’diżabbilita’ permanenti.
Fl-applikazzjoni tal-Qorti tiegħu, Alies Abdulhadi qal li l-karozza tiegħu kienet qegħda wieqfa fil-ġenb ta’ Triq Ġuże Flores – ftit l’ barra mill-mini ta’ Santa Venera – fejn minħabba l-impatt, l-karozza tiegħu ġiet imbuttata l’ quddiem u b’kaġun t’hekk siequ inqabded bejn il-karozza tiegħu u oħra wieqfa quddiemu. Hu sofra ksur fl-irkoppa, tant li stqarr li sofra diżabbilita’ ta’ 12 fil-mija.
Ħamest ijiem wara l-inċident – l-Ministru Owen Bonnici ammetta pubblikament li hu kien involut f’inċident tat-traffiku fejn raġel safa vittma u weġġa’.
Alies Abdulhadi qed jitlob kumpens għad-danni li sofra minħabba l-inċident – għall-ispejjeż mediċi u anke minħabba li tilef id-dħul mill-post tax-xogħol tiegħu. Dan wara li ma wasalx fi qbil għall-kumpens kemm mal-Ministru Owen Bonnici, kif ukoll mal-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu Untours Insurance Agency Limited.
F’Ottubru tal-2014, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit waqqat l-akkużi kontra Owen Bonnici minħabba “li ma kienx hemm provi biżejjed” li jitfa’ r-responsabilta’ fuq il-Ministru li kien qed isuq b’mod negliġenti u li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi. Fix-xhieda tiegħu, l-Ministru Owen Bonnici stqarr ukoll li ma kienx qiegħed isuq b’veloċita eċċessiva. Kompla li l-karozza tant ħasditu hekk kif kienet wieqfa fil-ġenb tal-mini, li ma kellux l-ħin sabiex jagħfas il-brake.
Minn naħa l-oħra, l-ispettur Robert Vella li deher għall-prosekuzzjoni qal, li Owen Bonnici ma kienx qiegħed attent u jsuq b’mod responsabbli kif inhu obbligat mill-liġi.
Il-każ ċivili li tressaq minn Alies Abdullahi, kontra l-Ministru Owen Bonnici, se jinstema’ quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff.
//= $special ?>