Il-kandidat Donald Trump li se jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan faħħar mill-ġdid il-kapaċitajiet tat-tmexxija tal-President Russu Vladimir Putin. Dan waqt li hu u l-kandidat rivali tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton, kienu qed iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-veterani militari li kienu preżenti għal forum dwar is-sigurtà nazzjonali fi New York.
Għalkemm din mhix l-ewwel darba li Trump esprima l-ammirazzjoni tiegħu għal Putin, il-kummenti tiegħu xorta qajjmu kontroversja. Fil-fatt, Donald Trump, waqt li kien qed jindirizza lill-forum, qal, fost oħrajn, li l-President tar-Russja ħareġ ta’ mexxej ħafna aktar mill-President Amerikan Barack Obama. Trump kompla jgħid li Putin għandu kontroll kbir fuq pajjiżu u li jaħseb li jekk ikun elett President tal-Istati Uniti ikun jista’ jimxi tajjeb mal-Mexxej Russu.
Il-kontroversja waslet fl-istess żmien meta l-Kap tal-Pentagon, f’Washington, akkuża lir-Russja li qed ittellef l-istabbilità fid-dinja.
Min-naħa tagħha, Hillary Clinton iddefendiet il-ġudizzju tagħha minkejja l-iskandlu dwar l-emails assoċjat magħha fi żmienha bħala Segretarju tal-Istat Amerikan. Dan meta hi kienet użat esklussivament is-server tal-emails privat tal-familja tagħha għall-komunikati uffiċjali, aktar milli l-kontijiet tal-email uffiċjali tad-Dipartiment tal-Istat fuq is-servers federali.
Aktar tard illum, il-President Amerikan Barack Obama qal li l-aħħar kummenti ta’ Donald Trump juru kemm il-kandidat Repubblikan mhux infurmat dwar il-fatti u li Trump qed juri li m’għandux il-kwalifiki biex jilħaq President kull darba li hu jiftaħ ħalqu.
//= $special ?>