Riċerkaturi Iżraeljani qalu li dokument li jmur lura għall-era Sovjetika jiżvela li l-President tal-Awtorità Palestinjana, Mahmoud Abbas, kien jaħdem bħala ‘aġent tal-KGB (l-eks-servizzi sigrieti tal-Unjoni Sovjetika)’ fl-ewwel parti tas-snin tmenin.
Skont ir-riċerkaturi, Gideon Remez u Isabella Ginor, Abbas ‘kien imniżżel bħala aġent tal-KGB’ f’rapport li kien għadda bil-mezzi sigrieti lir-Renju Unit, grazzi għall-isforzi ta’ eksuffiċjal għoli tal-KGB, Vasili Mitrokhin, li ħarab minn pajjiżu.
Sadanittant, kelliema għall-Presidenza Palestinjana ċaħdu kategorikament din l-allegazzjoni bħala waħda ‘assurda’ u bħala ‘inizjattiva tal-Iżraeljani biex jitfgħu lil Mahmoud Abbas f’dawl ikrah’.
L-allegazzjoni ħarġet fi żmien meta r-Russja qed tipprova torganizza laqgħa bejn Mahmoud Abbas u l-President ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu.
Il-Mexxej Palestinjan kien tenna, xi jiem ilu, li hu kien qabel li jiltaqa’ ma’ Netanyahu ‘fi tmiem il-ġimgħa’, f’Moska, u li uffiċjali Iżraeljani talbu biex il-laqgħa ma ssirx ‘għalissa’. L-affarijiet, intant, jidhru li baqgħu inċerti sakemm il-partijiet interessati jaqblu dwar ‘data oħra għal-laqgħa’ li għad trid tkun speċifikata.
//= $special ?>