Lokali

Simon Busuttil iħeġġeġ lill-pubbliku jappoġġja l-appell kontra l-iskyscraper f’Tas-Sliema

Ftit tal-ħin ilu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li se jagħti donazzjoni sabiex jgħin lill-għaqdiet ambjentali jiġbru l-flus biex ikunu jistgħu jippreżentaw appell kontra l-bini ta’ skyscraper ta’ 38 sular f’Tas-Sliema.

Il-Partit Nazzjonalista diġà kien ivvota kontra dan il-permess permezz tar-rappreżentant tiegħu fl-Awtorità tal-Ippjanar Ryan Callus għaliex ħass li l-bini propost huwa eċċessiv u se jħalli konsegwenzi kbar wisq fuq ir-residenti ta’ Tas-Sliema.

F’messaġġ fuq Twitter dalgħodu, Simon Busuttil ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu biex l-għaqdiet ambjentali ikunu jistgħu jressqu l-appell. Is-somma li hemm bżonn tinġabar hi ta’ €8,000, biex ikunu jistgħu jitressqu appelli kemm kontra l-permess għall-iskyscraper f’Tas-Sliema kif ukoll għall-permess tal-bini ta’ erba’ torrijiet fl-Imrieħel.

“Jien se nagħti donazzjoni personalment sabiex ikun jista’ jsir dan l-appell u nistieden lil kulħadd jagħmel l-istess. Anke b’donazzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza,” qal Simon Busuttil.

tweet kap stop the greed