Id-diskussjoni fil-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta ma setgħetx tkun konkluża hekk kif is-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja, li qal li għandu l-komunikazzjoni mis-sidien, naqas li jipproduċi din il-korrispondenza
Is-Sindku Laburista ta’ Marsaskala Mario Calleja jidher li għandu kuntatt dirett mas-sidien tas-sit tal-Lukanda Jerma li dwarha bħalissa għaddej proċess fil-Qorti. Dan hekk kif din il-lukanda ilha abbandunata snin twal u b’ordni tal-Qorti, is-sit għandu jitnaddaf mis-sidien u jiġi rkantat.
Iżda waqt il-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta aktar kmieni din il-ġimgħa, l-aħbar tal-irkant tas-sit kienet imgiddba għaliex il-membri preżenti ġew infurmati miċ-Chairman tal-Kunsill, id-Deputat Laburista Silvio Parnis, li s-Sindku Laburista Mario Calleja għandu komunikazzjoni mas-sidien stess.
Dan hekk kif fl-aġenda tal-laqgħa ta-Kunsill tressqet proposta minn Charlot Cassar, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kunsill, biex issir talba formali lill-Gvern biex jakkwista s-sit fejn illum hemm il-bini abbandunat tal-Lukanda Jerma, u wara li jitwaqqa’ l-bini perikoluż li fadal, dan is-sit jinżamm fl-istat naturali tiegħu b’mod permanenti.
Il-proposta ta’ Charlot Cassar, li hu wkoll Kunsillier Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsascala u li kien hu li għamel pressjoni b’suċċess biex tittieħed azzjoni kontra l-periklu tal-fdalijiet tal-bini tal-Lukanda Jerma, saret biex ikun hemm aċċess għall-pubbliku ta’ dan is-sit naturali mill-isbaħ, kif ukoll biex il-Gvern jieħu l-opportunità ta’ darba li l-art titgawda mill-pubbliku bħala spazju miftuħ u rikreattiv.
Fir-risposta tiegħu għal dan, id-Deputat Laburista Silvio Parnis qal li hemm bżonn li l-Gvern jagħmel sensiela ta’ studji ekonomiċi u soċjali fost l-oħrajn biex verament kull deċiżjoni li tittieħed tixhed dak li hemm bżonn għan-Nofsinhar ta’ Malta.
Iżda d-diskussjoni ma setgħetx tkun konkluża hekk kif is-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja, li qal li għandu l-komunikazzjoni mis-sidien, naqas milli jipproduċi din il-korrispondenza.
Il-korrispondenza, li Charlot Cassar bħala kunsillier għadu qatt ma ra, baqgħet ma waslitx sakemm intemmet il-laqgħa. Matulha saħansitra sar kuntatt ieħor mas-Sindku Mario Calleja li skont hu kien f’post fejn ma kellux aċċess għall-internet u għalhekk ma setax jgħaddiha.
Fid-dawl ta’ dan, kien hemm qbil fil-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, li d-dokumentazzjoni b’rabta mal-proġett għandha tinġabar kollha bil-miktub qabel tittieħed deċiżjoni dwar din il-proposta jew emendi sussegwenti.
//= $special ?>