Ħafna huma dawk li ħatfu l-opportunita’ ta’ Jum il-Vitorja, u pjanaw li jqattgħu l-aħħar tal-ġimgħa fil-gżira t’Għawdex – iżda l-mijiet ta’ vetturi li tħajru jaqsmu l-fliegu sabu ma’ wiċċhom serbut twil ta’ karozzi, hekk kif trakk tal-Wasteserv baqa’ dieħel fuq karozza ċ-Ċirkewwa stess.
Skont informazzjoni li waslet għand netnews.com.mt, jidher li x-xufier tat-trakk ma riedx iċedi postu lill-karozzi l-oħra li kienu jinsabu fil-kju biex jitilgħu abbord l-Gozo Channel, u b’kawża ta’ din il-pika bejn il-vetturi, it-trakk daħal fil-karozza ta’ quddiemu.
Jidher illi t-trakk kaxkar lill-karozza li nqabdet taħtu għal madwar 10 metri – meta f’dan il-ħin qam paniku qawwi min-nies preżenti hekk kif bdew jgħajtu max-xufier biex jieqaf peress li raw il-karozza maqbuda.
Mill-informazzjoni li kiseb dan is-sit mingħand il-Pulizija, jidher li ħadd ma weġġa’ fl-inċident. Nies fuq il-post irrapurtaw li l-vetturi tħallew hemm għal aktar minn siegħa u nofs.
//= $special ?>