Ewropa Lokali

“Kull persuna bid-Diabete għandha tiġi salvata” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Simon Busuttil indirizza konferenza Ewropea dwar id-Diabete li kienet organizzata mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Infermiera tad-Diabete fi Munich, fil-Ġermanja.

Għal din il-konferenza kien hemm preżenti mal-250 infermiera speċjalizzati fid-Diabete minn madwar 30 pajjiż minn madwar id-dinja. Simon Busuttil tkellem dwar il-mod kif tista’ tiżdied id-doża tal-ġlieda kontra d-Diabete u titpoġġa fuq skali għola tal-aġenda politika – dik nazzjonali, Ewropea u anke fuq aġenda mondjali.

Fid-diskors tiegħu fi Munich, Simon Busuttil spjega l-ħidma tiegħu f’Malta u kif irnexxielu jġib d-Diabete fuq l-aġenda politika bl-addozzjoni tar-rapport ‘Health Choices’, bl-introduzzjoni tal-liġi dwar il-Promozzjoni ta’ Ħajja B’Saħħitha u billi attivament appoġġja lill-Gvern fl-addozzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali għad-Diabete f’Malta.

Simon Busuttil stqarr li l-kooperazzjoni bejn l-mexxejja u n-nies li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-industrija, l-professjonisti, u l-pazjenti hi vitali biex isir avvanz f’din il-kawża.

“Jien qatt ma rajt dan il-livell ta’ kooperazzjoni bejn politiċi u stakeholders li jiġu flimkien b’oġġett speċifiku u jiksbu riżultati konkreti b’qasir żmien. Iżda l-ġlieda trid tkompli. Kull persuna li timrad bid-Diabete hi persuna li trid tiġi salvata.

Munich2

Matul is-snin, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed jaħdem b’mod attiv fuq id-Diabete – saħansitra anke minn meta kien Membru Parlamentari Ewropew, Simon Busuttil kien imexxi l-working group tad-Diabete u anke ippilota b’suċċess l-addozzjoni tar-riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew dwar l-epidemija tad-diabete f’Marzu 2012. Aktar tard dik is-sena, hu ingħata l-premju ta’ l-Membru Ewroparlamentari tas-sena għall-kontribuzzjoni tiegħu għall-ġlieda kontra d-Diabete.

Anke fil-Parlament Malti, Simon Busuttil kien protagonista, fejn flimkien mal-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia, stabilixxew working group tad-Diabete li fih hemm il-ħidma ta’ ħdax-il Membru Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.

Fuq skala mondjali, Simon Busuttil kien ukoll Viċi President tal-Parlamentarji għan-Netwerk Mondjali tad-Diabete f’dawn l-aħħar tliet snin.