Attivisti mill-grupp Emerġenza Ambjent is-Sibt filgħodu żgassaw il-grada ta’ Manoel Island sabiex b’hekk dan is-sit spiċċa miftuħ għal aċċess pubbliku. Preżenti kien hemm numru ta’ għaqdiet ambjentali fosthom Moviment Graffitti, Żminijietna, Friends of the Earth – Malta, Flimkien għal Ambjent Aħajr, u Ramblers Association Malta. Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Gżira li kien qiegħed jakkumpanja lill-attivisti u anke numru ta’ uffiċjali tal-pulizija.
Din l-azzjoni issegwi protesta li saret aktar kmieni din il-ġimgħa kontra dak li qiegħed jiġi deskritt bħala nuqqas ta’ aċċess għal pubbliku għal kosta minħabba l-iżvilupp fl-inħawi.
L-grupp Emerġenza Ambjent fi stqarrija saħaq li l-att dwar id-Demanju Pubbliku jistipula li l-kosta għandha tiġi awtomatikament ikkunsidrata bħala demanju pubbliku u għalhekk l-aċċess għaliha ma jistax jiġi mċaħħad. Sostna wkoll li Manoel Island għandu jsir spazju rikreattiv li jitgawda minn kulħadd.
Intant l-attivisti tal-grupp Emerġenza Ambjent qegħdin jikkampjaw f’Manoel Island bħala parti mill-azzjonijiet sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom.
//= $special ?>