Il-Fondazzjoni ta’ servizzi ta’ ‘Respite Care’ Dar il-Kaptan, intgħażlet fost il-Maltin għall-Premju Ewropew taċ-Ċittadin għal din is-sena.
Il-Parlament Ewropew jagħti dan l-unur lil 50 persuna jew organizzazzjoni minn 26 pajjiż tal-Unjoni Ewropea għall-kontribut tagħhom għall-koperazzjoni fl-Ewropa u għal kemm jippromwovu valuri komuni.
Il-ġurija, mmexxija mill-Viċi President tal-Parlament għażlu r-rebbieħa tal-2016 wara konsultazzjoni fuq 79 proposta li saru permezz ta’ ġuriji nazzjonali. F’Malta il-premjazzjoni nazzjonali saret f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta. Iċ-Ċerimonja għar-rebbieħa kollha se ssir ix-xahar id-dieħel fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Brussell.
Imwaqqfa 25 sena ilu fl-Imtarfa, Dar il-Kaptan tippermetti lil familji li għandhom persuna b’diżabilita’ jieħdu mistrieħ regolari. Il-filosofija ta’ Dar il-Kaptan hi li biex jgħin lil familji biex ikomplu jieħdu ħsieb il-persuna b’diżabilita’ f’ambjent ta’ familja u fil-komunita’ u b’hekk jevitaw il-ħtieġa li tidħol f’istituzzjoni.
Dan isir permezz ta’ ġranet ta’ serħan residenzjali waqt li l-persuni b’diżabilita’ joqogħdu f’ambjent san u ta’ sodisfazzjoni għaliha. Dawn il-jiem ta’ serħan jagħtu l-persuna li tieħu ħsiebhom, iċ-ċans biex tieħu nifs u tkompli tagħti s-sapport lil dak il-membru tal-familja b’diżabilita’. B’hekk jitnaqqas l-istress u l-possibilita’ ta’ kriżi fil-familja.
Permezz ta’ din il-ħidma, il-Fondazzjoni Dar il-Kaptan tagħti kull familja l-opportunita’ biex tieħu ftit jiem ta’ mistrieħ kull sitt ġimgħat.
F’diskorsi li għamlu l-Ewroparlamentari David Casa u Roberta Metsola tkellmu dwar il-kontribut kbir li Dar il-Kaptan jagħtu s-soċjetà mal-persuni b’dizabbiltà. Huma sostnew l-importanza li Dar il-Kaptan tkompli ssib l-appoġġ meħtieġ mill-Gvern u s-soċjetà biex ikomplu jaqdu r-rwol volontarju taghħom li fih mhux jgħinu lill-persuni b’diżabbiltà iżda wkoll lill-familji tagħhom. Aspett enfażizzat fid-diskorsi ta’ David Casa u Roberta Metsola kienet l-edukazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-PErsuni bi bżionnijiet speċjlai fis-soċjetà.
Fl-aħħar 26 sena Dar il-Kaptan tat servizzi lil 425 familja u bħalissa għandha 280 familja li qed jibbenefikaw mis-servizzi tad-Dar.
F’isem Dar il-Kaptan tkellmet Jennifer Sant li qalet li d-Dar tibqa impenjata li tibqa’ toffri servizzi b’dinjita, rispett u privatizza lill-persuni li jkunu jeħtieġu s-servizzi.
//= $special ?>